Ikel
“Malli tagħmel ix-xita l-bajtar jispiċċa” – frotta xxewwek iżda sustanzjuża mmens

Bil-qilla tax-xemx issa tibda tbatti ftit u b’bibien is-sema mistennija jinfetħu ġmielhom minn ħin għall-ieħor, il-pajsaġġ Malti u Għawdxi f’dawn il-jiem jerġa’ jibda jieħu r-ruħ. Madanakollu, hekk kif tibda traxxax ix-xita f’Settembru, il-pal tal-bajtar tax-xewk li jikkaratterizza għadd ta’ uċuħ tar-raba’ madwarna jibda jobżoq il-bajtar. Frotta, li bosta tinżlilhom għasel għalkemm dak li jkun jista’ jgawdiha mill-Milied sa San Stiefnu.

Fost il-bdiewa li f’dan iż-żmien tas-sena jkollhom irkejjen sħaħ miżgħuda sa ruħ ommhom bil-pal tal-bajtar tax-xewk fir-raba’ tagħhom, Teddy Farrugia. F’kummenti lil tvm.com.mt Teddy spjega li l-bajtar preferibbilment jinqata’ filgħodu peress li wara s-sirda tal-lejl ix-xewka tkun ratba. Qal, li bix-xemx ix-xewk jittempra ruħu.

Ikunx aħmar, isfar jew aħdar, il-bajtar kollu tajjeb. In-nutritionist Dr Antonella Grima stqarret ma’ tvm.com.mt li fost l-oħrajn il-bajtar fih il-fibre, il-vitamina Ċ, iz-zokkor u madwar 40 kalorija biss għal kull 100 gramma. Minkejja dan, Dr Grima qalet li dak li jkun il-bajtar għandu jieklu bil-qies. Żiedet tgħid, li wara li l-bajtra tittiekel tajjeb li wieħed jieħu belgħa ilma.

Mistoqsi jekk it-togħma tal-bajtar tvarjax, Teddy spjega li l-bajtra ta’ xitla għadha żgħira tkun aktar ħelwa fit-togħma u jkun fiha anqas żerriegħa.