Relazzjonijiet Industrijali
AĠĠORNAT: Malta Air tkeċċi 40 membru tal-ekwipaġġ

Il-linja tal-ajru Malta Air – sussidjarja tal-kumpanija Ryanair – tat l-ewwel doċċa kiesħa lil grupp ta’ impjegati, kważi sena wara t-twaqqif tagħha. F’ittra lill-ħaddiema, il-linja tal-ajru qalet li biex tipprova ssalva mill-kriżi tal-COVID-19, ma tistax tevita sensji. L-ewwel affettwati huma 40 membru tal-ekwipaġġ tal-kabina li l-impjieg tagħhom se jintemm bħal-lum xahar. Sorsi qrib il-kumpanija qalu li l-bdoti aċċettaw tnaqqis fis-salarju, f’ammont li jidher li jista’ jevita sensji f’dan il-grad.

Erbgħin minn total ta’ madwar 120 membru tal-ekwipaġġ tal-linja tal-ajru Malta Air, li hi sussidjarja ta’ Ryanair, ilbieraħ tard filgħaxija rċevew ittra li b’effett mit-30 ta’ Ġunju li ġej l-impjieg tagħhom ġie tterminat minħabba l-effetti tal-COVID-19. Mhux eskluż li fil-jiem li ġejjin jitkeċċew mill-inqas 20 bdot.

L-azzjoni tal-kumpanija li tagħti l-avviż tas-sensji lill-ħaddiema saret meta għadu kif beda l-proċess biex il-General Workers Union tikseb ir-rikonoxximent bħala l-union li tirrapreżenta l-maġġoranza tal-ħaddiema. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal lil TVM li l-union hija sorpriża b’dawn is-sensji anki għaliex s’issa il-Malta Air għadha ma weġbitx it-talba għar-rikonoxximent li saret kważi tliet ġimgħat ilu. Żied jgħid li l-proċess għar-rikonoxximent beda wkoll mad-direttur tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali. Is-Sur Bugeja sostna li l-union tistenna li tkun ikkonsultata fuq dawn is-sensji u tfittex li jinstab kompromess.

B’kollox, Malta Air tħaddem 179 ħaddiem li madwar 85 fil-mija minnhom issieħbu fil-General Workers Union. Television Malta għandu kopja ta’ ittra li nhar l-Erbgħa, Malta Air bagħtet lill-membri kollha tal-ekwipaġġ, li fiha għarrfithom li jekk fi żmien 48 siegħa ma jaċċettawx tnaqqis fil-paga ta’ 10% għal ħames snin, se jkun hemm sensji minn fost dawk li daħlu l-aħħar.

L-għada, il-membri tal-ekwipaġġ u wħud mill-ogħla uffiċjali ta’ Malta Air fosthom rappreżentant tal-Kap Eżekuttiv, il-kap tar-riżorsi umani u l-kontrollur finanzjarju kellhom laqgħa virtwali li matulha t-tmexxija ta’ Malta Air spjegat is-sitwazzjoni. Ħaddiema qalu li t-tmexxija injorat l-mistoqsijiet kollha tal-ħaddiema.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Television Malta qalu li huma jifhmu s-sitwazzjoni straordinarja preżenti u lesti jaċċettaw tnaqqis fil-paga iżda mhux għal ħames snin kif trid il-kumpanija mingħajr ebda konsultazzjoni jew taħditiet. Il-ħaddiema qed jitolbu lill-Gvern biex jintervjeni u jgħin tinstab soluzzjoni għall-ġid ta’ kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom. Ilbieraħ…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar