Kultura
Malta b’appoġġ u kollaborazzjonijiet għall-ħarsien tal-wirt kulturali dinji

L-inċident traġiku tan-Notre Dame juri kemm il-wirt dinji huwa fraġli u vulnerabbli. Dan qalu l-Ministru Owen Bonnici waqt laqgħa Informali tal-Ministri tal-Istati Membri tal-UE inkarigati mill-politika kulturali, li ttellgħet f’Pariġi.

Il-Ministru saħaq ukoll dwar l-importanza li niżguraw l-aħjar mekkaniżmi biex jitħares il-wirt dinji għall-ġenerazzjonijiet futuri u qal li l-inċident tal-15 ta’ April ma affettwax biss lill-poplu Franċiż iżda lid-dinja kollha.

Il-Ministru Owen Bonnici flimkien mal-Ministru tal-Kultura Franċiż Franck Riester

Huwa kompla jgħid li fil-laqgħa, Malta wriet u tat solidarjetà lill-gvern Franċiż filwaqt li tagħti s-sostenn tagħha għal aktar koperazzjoni f’dan is-settur speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għarfien espert neċċessarju.

Il-Ministru Bonnici qal li l-iskambju ta’ prattiċi tajbin u l-għaqda ta’ kompetenza esperta fis-settur hija essenzjali u għalkemm dawn huma inċidenti skarsi, jistgħu jħallu riżultati devastanti u f’ċerti każijiet iwasslu għal telf u għal danni permanenti.