COVID-19
Malta bir-raba’ l-ogħla rata ta’ tilqim fid-dinja

Malta kklassifikat fir-raba’ post mill-pajjiżi kollha tad-dinja fir-rata ta’ tilqim, hekk kif attwalment din hija fost l-iktar li miexja b’pass mgħaġġel.

Statistika miġbura mis-sit awtorevoli  Our World in Data tikkonferma li Malta għandha rata medja ta’ tilqim ta’ 1.1%, li hija l-aqwa waħda fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata żdiedet għal 1.9% fl-aħħar sebat ijiem.

Skont dawn il-kalkoli, jekk Malta tkompli għaddejja b’din ir-rata, il-popolazzjoni kollha tkun tlaqqmet f’madwar sitt xhur.

Il-pajjiżi li kklassifikaw qabel Malta huma Iżrael, li għandu l-ogħla rata ta’ tilqim b’6%, u huwa proġettat li jkollu l-popolazzjoni kollha mlaqqma f’erba’ ġimgħat.

Isegwu l-Emirati Għarab Magħquda b’rata ta’ 3.9% u r-Renju Unit b’1.4%, li mistennija jkollhom il-popolazzjoni mlaqqma f’erba’ ġimgħat u tliet xhur rispettivament.

Fost il-pajjiżi Ewropej bl-agħar rata ta’ tilqim hemm l-Italja, li bir-rata attwali għandha kważi ħames snin biex tlaqqam il-popolazzjoni kollha.