Ekonomija u Finanzi
Malta bit-tielet l-ikbar defiċit fl-UE fl-2020

Ċifri tal-Eurostat juru li matul is-sena li għaddiet Malta rreġistrat it-tielet l-ikbar żieda fid-defiċit fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Statistika tal-Eurostat turi li matul l-2020 kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea rreġistra defiċit bl-uffiċċju tal-istatistika jattribwixxi dan għall-pandemija.

Qal li d-dejn fil-pajjiżi msieħba fiż-Żona Ewro żdied minn 0.6% fl-2019 għal 7.2% fl-2020 waqt li dak fil-pajjiżi tal-UE tela’ minn 0.5% għal 6.9%.

Spanja rreġistrat l-ikbar defiċit ta’ 11%, segwita mill-Greċja b’10.1% u Malta b’9.7%.

L-iktar rata baxxa ta’ dejn kienet reġistrata fl-Estonja, 19%, segwita mill-Bulgarija u l-Lussemburgu b’24.7% u b’24.8% rispettivament.

L-istatistika turi wkoll li 13 mis-27 pajjiż membru kellhom dejn li qabeż is-60% tal-Prodott Domestiku Gross. Għajr għad-Danimarka u l-Iżvezja l-pajjiżi tal-UE kellhom dejn li qabeż it-3% tal-PGD.

Fi statistika separata, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li d-dejn ta’ Malta kien jammonta għal 53.4% tal-Prodott Domestiku Gross. Huwa attribwixxa din iż-żieda fid-dejn għal bosta fatturi foshom l-għajnuniet li ta l-Gvern lill-familji u lin-negozji tul is-sena tal-pandemija. Qal li dawn ħallew impatt fuq il-finanzi tal-pajjiż.