Lokali
Malta bl-akbar żieda fl-emissjonijiet tas-C02 fost il-pajjiżi tal-UE

Skont il-Eurostat, Malta s-sena l-oħra kellha l-akbar żieda fl-emissjonijiet tas-C02 fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċifri juru li filwaqt li l-emissjonijiet tas-Co2 fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu b’meda ta’ 1.8%, f’Malta dawn l-emissjonijiet li joħorġu mill-użu tal-fuels żdiedet bi 12.8%.

L-Istatistika tidher li ssorprendiet lill-awtoritajiet tal-ambjent li kienu qed jistennew li l-emissjonijiet jekk ma jonqsux ma jiżdiedux b’din ir-rata minħabba kemm il-power station tal-gass kif ukoll minħabba l-użu tal-interconnector.

Iż-żieda qawwija fl-emissjonijiet, parzjalment ġejjin ukoll mid-dħaħen tal-karozzi, tistona wkoll għaliex il-Eurostat is-sena li għaddiet kien irraporta li Malta kellha l-akbar tnaqqis fl-emissjoni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt kien qal li fl-2016, l-emissjonijiet tac-CO2 f’Malta kienu naqsu b’aktar minn 18% meta mqabel mal-2015.