X

Malta bl-aktar żieda ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea

Malta, flimkien mal-Estonja, kellhom l-ikbar żieda fl-impjiegi bejn April u Ġunju meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.

Dan hekk kif skont il-Eurostat, Malta u l-Estonja kellhom żieda ta’ 1.3% fl-impjiegi, segwiti mill-Polonja b’1.2%, Ċipru b’1% u l-Lussemburgu b’0.9%.

L-inqas li raw żieda fl-impjiegi fit-tieni kwart tas-sena kienu l-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija b’0.3% kull wieħed u l-Bulgarija b’0.2%.

Fiż-żona ewro, l-impjiegi żdiedu b’0.4% bejn April u Ġunju, filwaqt li fil-pajjiżi kollha tal-UE ż-żieda kienet ta’ 0.5%.

Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, fiż-żona ewro kien hemm żieda ta’ 1.5% u fl-UE kollha ż-żieda kienet ta’ 1.4%.

Infatti, Malta kellha l-akbar żieda ta’ 5.5% fl-impjiegi bejn April u Ġunju ta’ din is-sena meta mqabbel mat-tieni kwart tas-sena l-oħra.

Wara Malta kien hemm Ċipru b’żieda ta’ 4.3% u l-Irlanda bi 3.4%.