Lokali
Malta bl-ewwel fond għar-riċerka fl-ispazju

Il-Gvern Malti nieda l-ewwel fond nazzjonali mmirat għal riċerka b’rabta mal-ispazju. Il-fond huwa ta’ €2 miljun u se jopera bejn l-2018 u l-2022.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li dan il-fond hu mmirat lejn benefiċjarji Maltin u se jagħti bidu biex ikun esplorat aħjar is-settur spazjali f’kuntest Malti. Il-fond se jappoġġja proġetti li jindirizzaw il-proċess u l-mod ta’ kif l-informazzjoni tinġabar mis-satelliti.

Semma wkoll li l-programm edukattiv dwar l-ispazju se jitnieda dalwaqt u se jagħti iżjed tagħrif immirat lejn l-istudenti biex jitgħallmu u jitqajjem iżjed interess f’dan is-settur.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ESA, l-MCST sar responsabbli mill-koordinazzjoni u mill-governanza ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ispazju.

Il-fond hu inizjattiva nazzjonali b’appoġġ mill-Aġenzija Ewropea Spazjali u hu possibbli permezz ta’ ftehim li seħħ f’Marzu.

Se jingħataw fondi għal proġetti ta’ 20 xahar ta’ riċerka fuq bażi ta’ kull sena b’sejħiet kompetittivi.

Is-sejħa għal proposti nfetħet illum u se tibqa’ miftuħa għat-tmien ġimgħat li ġejjin. Tista’ tkun aċċessata fuq mcst.gov.mt/space-directorate/space-research-fund/

Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt fuq [email protected]