Ekonomija u Finanzi
Malta bl-ikbar żieda fit-tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-UE

Malta kellha l-ikbar żieda fit-tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea meta jitqabblu April u Ġunju li għaddew ma’ Jannar u Marzu li għaddew.

Skont l-aġenzija tal-istatistika Ewropea l-Eurostat, Malta kellha l-ikbar tkabbir ta’ 1.9%, segwita mill-Estonja u r-Rumanija li raw il-prodott domestiku gross (PDG) tagħhom jiżdied b’1.4%.

Il-Eurostat qabblet ukoll it-tieni kwart ta’ din is-sena mat-tieni kwart tas-sena li għaddiet u ħareġ li Malta kellha l-ikbar żieda ta’ 5.7%, segwita mill-Polonja b’5% u l-Ungerija b’4.6%.

L-inqas li rreġistraw tkabbir ekonomiku bejn l-ewwel u t-tieni kwart ta’ din is-sena kienu id-Danimarka, il-Greċja, Franza u l-Italja li lkoll raw il-PDG jiżdied marġinalment b’madwar 0.2%.

Ħarsa ġenerali lejn l-andament ekonomiku bejn April u Ġunju meta mqabbel ma’ Jannar u Marzu li għaddew, it-tkabbir fiż-żona ewro u fil-pajjiżi kollha tal-UE żdied b’0.4%, filwaqt li meta mqabbel mas-sena li għaddiet iż-żieda fil-GDP kienet tammonta għal 2.1%.

Sors: Eurostat

Ara wkoll:

L-ekonomija Maltija kibret b’5.9% fit-tieni kwart tas-sena