Lokali
Malta bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro – l-IMF

Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar l-irkupru mill-pandemija madwar id-dinja wera li Malta għandha l-inqas rata ta’ nies ifittxu x-xogħol fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro.

Ir-rapport tal-IMF intitolat World Economic Outlook qal li d-dinja qed tkompli tirkupra mill-pandemija iżda f’Ottubru ddgħajjef f’ħafna pajjiżi sinjuri minħabba l-impatt tal-varjant Delta.

Ir-rapport jikkonkuldi li fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni se tibqa’ waħda għolja f’pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti u l-banek ċentrali għandhom jibqgħu viġilanti.

L-IMF naqqas ir-rata mbassra ta’ tkabbir ekonomiku ta’ bosta ekonomiji ewlenin madwar id-dinja, b’mod partikolari dik Amerikana, Ġappuniża u Ġermaniża, madankollu qal li bosta se jikbru b’mod b’saħħtu s-sena d-dieħla.

Fl-analiżi tagħha dwar Malta, l-IMF ibassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna matul dis-sena u s-sena d-dieħla se jkun ogħla mill-medja fiż-Żona Ewro.

Fil-fatt l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’rata ta’ 5.7% din is-sena u 6% s-sena d-dieħla, jiġifieri 0.7 fil-mija aktar miż-Żona Ewro din is-sena u 1.7% aktar is-sena d-dieħla.

Dwar l-inflazzjoni f’Malta, ir-rapport tal-IMF qed ibassar li r-rata f’Malta se tkun ta’ 0.7%, jiġifieri 1.5% anqas mill-medja fiż-Żona Ewro. Madankollu jbassar li s-sena d-dieħla din se tkun fl-istess ilma taż-Żona Ewro ta’ 1.8%.

Fir-rigward tal-persuni jfittxu x-xogħol f’Malta, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed ibassar rata ta’ 3.6% għal din is-sena, jiġifieri 4.4% inqas mill-medja fiż-Żona Ewro ta’ 8%.

U għas-sena d-dieħla, Malta mistennija żżomm l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro ta’ 3.5%, jiġifieri 4.6% inqas mill-medja tal-pajjiżi msieħba fiż-Żona Ewro.

Ir-rapport tal-IMF jikkonkludi li waħda mill-ikbar problemi għall-irkupru ekonomiku madwar id-dinja tibqa’ l-inflazzjoni, dovuta l-aktar għad-diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista, iżda wkoll minħabba li qegħdin jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija.