Lokali
Malta b’mira ġdida li tlaqqam 85% tal-popolazzjoni wara tħassib bil-varjant Indjan

L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin għollew il-mira minn 70% għal 85% tal-popolazzjoni f’Malta biex jilqgħu għall-varjant Delta, magħruf l-aktar bħala l-varjant Indjan.

Dan bil-għan li dan il-varjant li jinxtered ħafna iktar malajr mill-COVID-19, ma jagħmilx ħerba kif qiegħed jagħmel f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.

Dan tħabbar fil-Parlament mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne fid-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Malta kienet fasslet il-mira li tlaqqam 70 fil-mija tal-popolazzjoni tagħha biex tilqa’ għall-COVID-19. Mira li ntlaħqet ġimgħat ilu tant li llum 81.5% tal-popolazzjoni Maltija diġà ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin waqt li 73% huma mlaqqma kompletament.

Madankollu, il-Ministru għas-Saħħa qal li din il-mira kellha tiġi riveduta għax bil-varjant Indjan, tista’ ma tkunx biżżejjjed. Qal li b’rata ogħla ta’ persuni mlaqqma, pajjiżna ma jgħaddix mill-istess esperjenza li qed jgħixu l-kontenti kollha tad-dinja b’żieda ta’ pazjenti fl-isptarijiet u fl-imwiet.

Huwa spjega li dan il-varjant, li qiegħed f’Malta wkoll, huwa ħafna iktar infettiv kemm mill-COVID-19 u kemm mill-varjanti l-oħra.

Spjega li waqt li l-COVID-19 jinfetta tnejn minn kull ħames persuni, u dak tar-Renju Unit tnejn minn kull erba’ persuni, il-varjant Indjan jinfetta tnejn minn kull tliet persuni.

Dan ifisser li min ma ħax it-tilqima kontra l-COVID-19 huwa f’riskju ferm ogħla li jiġi infettat bil-varjant Indjan.

Id-deputat Prim Ministru qal li gvernijiet bħal dawk f’Malta li rnexxielhom jilħqu l-immunità tal-massa jinsabu mħassba bil-varjant Indjan u qed jaħdmu biex ma jkissirhomx kif qed iseħħ f’pajjiżi fejn waqgħu lura fit-tilqim.

Huwa appella biex isir sforz ieħor, inkluż bl-għoti tal-vaċċin lit-tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena, ħalli tintlaħaq din il-mira u b’hekk inserrħu moħħna mill-varjant Indjan li fi kliemu qed iwassal ukoll biex bosta pajjiżi, jerġgħu jdaħħlu miżuri restrittivi inkluż dak ta’ lockdown.

Tenna li fir-rilaxx tal-miżuri rridu nkunu prudenti u mhux arroganti għax dan huwa virus imprevedibbli.