Malta b’nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet diġitali

Tikber il-pressjoni fuq is-sistema edukattiva biex taħseb iżjed fuq il-ħtieġa ta’ aktar studenti b’ħiliet ta’ livell tajjeb fl-oqsma diġitali. Malta, bħall-bosta pajjiżi oħrajn Ewropej, qiegħda tesperjenza nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet diġitali. Dan ġie kkonfermat fi stħarriġ fost l-intrapriżi li sar mill-kumpanija EY.

Stħarriġ tal-kumpanija EY fl-Ewropa kollha kkonferma l-istess xejra ta’ Malta f’dik li hija skarsezza kbira ta’ ħaddiema f’ħiliet diġitali li qed iżommu l-kumpaniji fl-industrija tat-teknoloġia milli jkabbru l-operat tagħhom jew iġibu ħaddiema minn pajjiżi barranin.

Mill-istħarriġ ħareġ li l-akbar nuqqas hu fil-ħiliet diġitali fosthom fis-cybersecurity, l-artificial intelligence u r-robotika . . . tant li l-kumpaniji jirnexxielhom jimpjegaw biss ftit aktar min-nofs tal-ħaddiema li jkollhom bżonn fis-setturi tal-IT.

Il-Managing Partner tal-EY Malta, Ronald Attard, qal li jeħtieġ li titqajjem aktar kuxjenza mal-istudenti dwar il-prospetti tajbin ta’ impjieg f’dawn l-oqsma biex jagħżlu korsijiet għall-karriera tagħhom.

”Irridu noħorġu b’aktar korsijiet li to be fair hawn imma naħseb li jridu jkunu pubbliċizzati aktar biex in-nies jersqu għalihom u naħseb ukoll li wieħed mhux biss jara Univeristà imma apprentistat fejn in-nies jiġu mħarrġa waqt li qed jaħdmu.”

Is-Sur Attard spjega li d-domanda għall-ħiliet diġitali fosthom fl-Artificial Intelligence qiegħed kulma jmur tikber.

Dawn huma l-ħiliet li rridu ngħaġġlu għax hemm barra hemm għatx kbir għas-servizzi u litteralment m’hawnx nies biżżejjed biex jilqgħu għal din id-domanda kbira.

Għall-Prinċipal tas-St Martin’s Institute, Charles Theuma, Malta qed tkun vittma tas-suċċess ekonomiku tagħha stess.

”Is-suċċess ekonomiku hu ftit ta’ issue għax jekk inti għandek sitwazzjoni fejn kważi x-xogħol jiġri warajk, tista’ tkun żagħżugħ moħħok fuq ir-riħ u taħseb li l-ewro li qed taqla’ llum ħafna aħjar milli tipposponieh u tmur tistudja. Fil-verità naħseb li dawn l-istudenti jkunu qed jagħmlu żball.”

Is-Sur Theuma qal li f’Malta madwar 600 impjieg fis-sena fl-industrija tal-IT li ma jsibux ħaddiema u jkollom jimpurtaw ħaddiema barranin.

”Hemmhekk l-irwol tal-industrija, tal-Gvern u tal-istituzzjonijiet edukattivi illi flimkien naraw il-bżonnijiet mhux tal-lum imma ta’ 5/10 snin oħra għaliex sakemm student jibda degree llum, dan għandu 3/4 snin biex jiggradwa. Mela jien ma rridx ngħallmu l-affarijiet li hemm bżonn illum imma li se jkollu bżonn meta jkun gradwat u jidħol fl-industrija tax-xogħol.”

Fl-istħarriġ tal-EY, li sar bejn Settembru u Ottubru li għadda, ħadu sehem 200 kumpanija.