Malta b’waħda mill-akbar problemi ta’ teħid tad-droga eroina mill-pajjiżi Ewropej

Rapport Ewropew dwar id-droga juri li Malta għandha waħda mill-ikbar problemi bit-teħid tal-eroina mill-pajjiżi Ewropej. Ir-rapport ġie ippubblikat f’Lisbona u juri x-xejriet tal-problema tad-droga fil-pajjiżi fl-Ewropa.

Ir-Rapport Ewropew dwar id-Droga juri li matul is-sena li għaddiet l-awtoritajiet Maltin għamlu 326 qabda tad-droga li jfisser 15 fil-mija iżjed mis-sena ta’ qabel. Ir-rapport isemmi li fl-2014 l-awtoritajiet Maltin għamlu 115-il qabda ta’ kokajina li bejniethom kellhom madwar 4 kilos ta’ kokajina.

Jirriżulta wkoll li l-pulizija flimkien ma’ uffiċjali tad-dwana qabdu iżjed minn 30,300 pillola ecstasy u ftit iżjed minn kilo eroina. L-isforzi tal-pulizija u l-uffiċjali tad-dwana iffukaw ukoll fuq id-droga kannabis. Ir-rapport Ewropew isemmi li saru 156 qabda li ammontaw għal iżjed minn 11-il kilo reżina tal-kannabis.

Fl-2014 il-pulizija qabdu wkoll 27 pjanta tal-kannabis li kienet qed titkabbar lokalment. Minkejja li s-sena l-oħra saru ammont kbir ta’ arresti u qabdiet tal-kannabis, il-Maltin huma fost l-inqas Ewropej li jpejjpu din id-droga.

Min-naħa l-oħra, ir-rapport jgħid Malta għandha waħda mill-ikbar problemi fit-teħid tad-droga eroina fost il-pajjiżi Ewropej. Jgħid li fil-konsum tal-eroina, Malta hija t-tieni l-iżjed pajjiż li għandha rata għolja, qabilha hemm il-Latvja u r-Renju Unit flimkien. Ir-Rapport Ewropew tad-Droga għas-sena li għaddiet iffoka b’mod partikolari fuq id-drogi sintetiċi fil-pajjiżi fl-Ewropa fejn irriżulta li nstabu iżjed minn żewġ drogi ġodda sintetiċi fil-ġimgħa.