Immigrazzjoni
‘Malta dejjem tħalliet waħidha fil-kriżi tal-immigrazzjoni’

Waqt li t-traffikanti tal-immigranti qed ikomplu jħaxxnu bwiethom, il-vapuri tal-Captain Morgan qed ikomplu jimtlew bl-immigranti li ġew salvati miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Tliet vapuri tal-Captain Morgan jinsabu f’Hurd’s Bank ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin bi ftit aktar minn 280 immigranti li ġew salvati f’erba’ operazzjonijiet fl-aħħar ġimgħat.

S’issa, Franza biss mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea aċċettat li tieħu 30 minnhom bil-Gvern Malti jibqa’ jirreżisti pressjoni biex iħallihom jiżbarkaw f’Malta waqt li ppermetta biss l-iżbark ta’ nisa tqal u tfal.

Vapuri kummerċjali qed jippreferu jieħdu r-rotta twila, milli jsalpaw viċin Malta biex jevitaw li jkollhom jagħmlu xi operazzjoni ta’ salvataġġ tad-dgħajjes li qed jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa. Skont il-konvenzjoni internazzjonali, il-vapuri kummerċjali jistgħu jintalbu jassistu f’ħidmiet ta’ salvataġġ miċ-ċentri ta’ kordinazzjoni fosthom ta’ Malta u ta’ Ruma.

Dan ħareġ f’rapport speċjali fuq Television Malta li spjega kif it-traffikanti tal-bniedem li qed jagħmlu profitti kbar billi jorganizzaw il-vjaġġi klandestin bl-immigranti lejn l-Ewropa. Ahmed Al-Dabbashi magħruf bħala z-Ziju ġie identifikat bħala wieħed mit-traffikanti tal-bnedmin ewlenin.

Al-Dabbashi jopera fil-belt ta’ Sabratha fil-punent ta’ Tripli meqjusa waħda mill-punti ta’ tluq fil-Libja flimkien ma’ Surman, Al-Zawija, Tajura u Garabulli. Intervistat fil-programm, Omar Grech, Direttur taċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika ta’ Riżoluzzjoni ta’ Konflitti qal li t-traffikanti qed joperaw bil-barka taż-żewġ fazzjonijiet Libjani li jinsab f’taqtiegha bejniethom fi gwerra ċivili tal-Libja.

“Il-milizji qed jagħmlu minn kollox biex, jisfruttaw l-immigrazzjoni rregolari billi jbigħu postijiet fuq id-dgħajjes li bihom jitilqu l-immigranti rregolari dawn minn dan in-negozju qed jagħmlu qligħ enormi ta’ circa 50-60 elf dollaru kull dgħajsa li mbagħad jużaw biex iħallsu l-armamenti tagħhom”.

Il-programm analizza r-rekords ta’ meta tintalab l-għajnuna mid-dgħajjes bl-immigranti. Jirriżulta li dawn is-sejħiet kważi dejjem isiru malli tinqabeż l-34 lonġitudni tat-tramuntana, li jfisser li d-dgħajsa tkun daħlet f’żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.

Intevistat fil-programm l-eks Prim Ministru Laurence Gonzi qal l l-valur tas-solidarjetà qatt ma ntwera mill-Unjoni Ewropea ma’ Malta fil-kriżi tal-immigrazzjoni. “Le le ma ntweriex hemm però ħalli nkunu ċari, it-tort li ma ntweriex huwa tal-Prim Ministri li kienu bilqiegħda ma’ dik il-mejda, li kienu qed iffitxu l-interessi tagħhom, jiġifieri l-pajjiżi ta’ fuq, li ma kellhomx il-problema tal-immigrazzjoni ma rridux jerfgħu parti minn dan il-piż.”

L-eks Prim Ministru u l-Ewroparlamentari Alfred Sant stqarr li jsir ħafna diskors dwar l-immigrazzjoni fil-fora ewropej iżda fl-aħħar mill-aħħar kull stat jiddeċiedi kif jaqbillu. “Mhux talli ma ntweriex imma hemm nuqass ta’ koeżjoni jiġiferi l-Unjoni Ewropea mhux maqgħuda dwar il-mod kif tiddiskuti tiddeċiedi dwar dan l-affarijiet la mhux maqgħuda mbagħad kull stat jiddeċiedi huwa għalih”.

Il-Konslu tas-Sudan għall-Malta, Elsadig Ishaq qal li l-Gvern Sudaniż qiegħed jipprova jwaqqaf dawn it-traffikanti li qed jisfruttaw l-eluf ta’ Sudaniżi li qed jaslu Malta wara vjaġġ perikoluż iżda qal li jeħtieġ aktar apoġġ mill-komunita internazzjonali b’mod speċjali mill-Unjoni Ewropea.

Tista’ ssegwi r-rapport speċjali dwar l-immigrazzjoni minn hawn.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Malta Police Association qalet li l-amnestija għall-multi li weħlu ċertu individwi, minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ minħabba Covid 19 meta nġemgħu fi gruppi kontra l-avviżi legali, hija insult kbir għall-ħidma…

COVID-19

Il-Pulizija se takkuża żewġ persuni – wieħed b’theddid fuq uffiċjal pubbliku u li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u ieħor li ostakola t-triq b’vettura waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji meta nhar it-Tnejn filgħaxija…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm ħafna nies li qed ibatu u negozji li jeħtieġu l-għajnuna. Qal li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż ikollu…

Aktar