Malta fil-Presepju

Għalkemm hu biss il-baħar Mediterran li jifred lil Malta mill-Art Imqaddsa fejn seħħet il-ġrajja tan-natività, id-distanza bejniethom hi ta’ mijiet ta’ kilometri. Madanakollu, l-kreattività fil-ħolqien tal-presepji wasslet biex għadd ta’ postijiet storiċi f’Malta u drawwiet lokali għandhom parti ċentrali fi presepju ta’ waħda mis-soċjetajiet mużikali f’Ħal Luqa.

Presepju fil-kantina tal-Każin tal-Għaqda Mużikali Sant Andrija f’Ħal Luqa, ma jirrapreżentax biss il-ġrajja tan-nattivita’ iżda jinkorpora fih elementi Maltin.

Ix-xena tat-twelid ta’ Ġesu’, li hi maħduma fuq il-pittura ta’ Ġiuseppe Cali li hemm fil-knisja parrokjali ta’ Hal Luqa stess, tinsab f’għar partikolari, billi huwa rappreżentazzjoni tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.

Fil-presepju hemm minn dar tradizzjonali Maltija sa uħud mill-aktar postijiet prominenti f’Malta, bħal Forti Sant Anġlu, l-Akwadott ta Wignacourt fl-Imrieħel, it-torri l-aħmar, Wied iż-Żurrieq u l-kappella ta’ Bir Miftuħ li tinsab qrib l-ajruport.

It-timbru Malti mhux rappreżentat biss fil-bini, imma ukoll permezz tal-pasturi, b’erba daqqaqa mdawra ma salib tad-dejma. Jingħad li fl-imgħoddi, fil-hin bejn il-purċissjoni bil-bambin u l-quddies ta nofs il-lejl, daqqaqa kienu jinġabru fi ħwienet tax-xorb u fil-pjazez tal-irħula u jżewqu l-atmosfera bid-daqq tagħhom.

Il-wirja hija akkumpanjata ukoll bil-priedka tat-tifel fl-isfond, billi din it-tradizzjoni bdiet f’Ħal Luqa stess fl-aħħar tas-seklu dsatax bl-ewwel prietka saret mit-tfajjel George Sapiano.

Dan il-presepju se jdum miftuħ għall-pubbliku sa nhar l-Epifanija.