Lokali
Malta fit-32 post fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli minn 166 pajjiż

Malta klassifikat fit-32 post fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli minn 166 pajjiż. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li għalkemm sar ħafna f’dan il-qasam għad fadal xi jsir u għalhekk tnieda sit elettroniku bil-għan li tinħoloq iktar sinerġija bejn l-entitajiet konċernati fit-twettiq tal-miri marbuta mal-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.

L-eradikazzjoni tal-faqar u l-ġuħ, is-saħħa u l-edukazzjoni, il-kwalità tal-ħajja, il-ħarsien tal-ambjent, l-użu tar-riżorsi u t-tibdil fil-klima huma fost għadd ta’ temi li dwarhom qed jittieħdu diversi miżuri li n-Nazzjonijiet Magħquda qed timmira li jintlaħqu sa 10 snin oħra.

Numru ta’ esperti fosthom mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp iddikutew diversi temi f’konferenza li saret bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli bit-tema “Naħdmu Flimkien għal Futur Sostenibbli”. Is-Segretarju Permanenti Mario Cutajar qal li l-Gvern Malti ħa diversi miżuri biex jintlaħqu l-miri għall-iżvilupp sostenibbli.

“Is-servizz pubbliku ħareġ bi pjan li qed iwettaq li wara li jitressaq il-budget kull miżura tiġi evalwata kontra jew ma kull mira tal-iżvilupp sostenibbli u qed isiru azzjonijiet aktar, din is-sena pereżempju għall-budget ta’ din is-sena ħrieġna b’9 miżuri oħra addizzjonali għal dak li diġà kellna fil-budget biex jiġi mwettaq.”

Is-Sur Cutajar qal lin-Nazzjonijiet Magħquda klassifikat il-Malta fi 32 post minn 166 pajjiż dwar l-implimentazzjoni ta’ politika favur żvilupp sostenibbli. Sostna li minkejja dan għad fadal xi jsir fosthom fejn jidħol it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-konsum u produzzjoni responsabbli.

Bil-għan li l-miri għall-iżvilupp sostenibbli jinkisbu f’Malta mill-entitajiet kollha konċernati, is-Sur Cutajar qal li tnieda sit elettroniku li fih hemm l-aħħar aġġornamenti dwar dan il-qasam, il-progress milħuq, u ġabra ta’ strateġiji nazzjonali b’rabta mal-miri li jridu jintlaħqu fl-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna.