Mużika
Malta fost 19-il pajjiż li se jieħdu sehem fil-JESC f’Diċembru

Malta se tkun fost dsatax-il pajjiż li se jieħdu sehem fid-19-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li se jittella’ f’Pariġi fi Franza fid-19 Diċembru li ġej.

Dan tħabbar il-Ħamis waranofsinhar mill-European Broadcasting Union (EBU) u minn France Televisions.
Il-pajjiżi li se jieħdu sehem huma l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, il-Ġeorġja, l-Irlanda, l-Italja, il-Każakistan, Malta, l-Olanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja, il-Portugall, ir-Russja, is-Serbja, Spanja u l-Ukrajna.

Id-direttur eżekuttiv tal-JESC Martin Österdahl qal li l-organizzaturi jinsabu eċċitati ħafna li jilqgħu d-19-il pajjiż li se jieħdu sehem fid-19-il edizzjoni fid-19 ta’ Diċembru li ġej f’Pariġi, l-aktar dawk li naqsu milli jieħdu sehem fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet minħabba l-pandemija. Huwa qal li bħalissa għaddejjin tħejjijiet kbar biex jittella’ dan il-festival u assigura li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun fost l-aqwa li qatt ittellgħu.

 

Il-Junior Eurovision ilu jittella’ sa mill-2003 b’Malta jirnexxielha tirbaħ dan il-festival prestiġġjuż darbtejn, l-ewwel darba fl-2013 minn Gaii Cauchi bil-kanzunetta The Start segwita minn rebħa oħra fl-2015 minn Destiny Chukunyere meta rebħet it-titlu bil-kanzunetta Not My Soul b’185 punt, l-akbar punteġġ li qatt kien intrebaħ dan il-festival.

L-applikazzjonijiet għal Malta Junior Eurovision Song Contest 2021 jagħlqu fil-5 ta’ Settembru.  Għal aktar dettalji idħol hawnhekk https://www.tvm.com.mt/mt/mjescapplication/