Lokali
Malta fost ħames pajjiżi biss tal-UE li laħqu l-mira fl-għoti tal-vaċċin

Malta hija fost ħames stati membri biss tal-Unjoni Ewropea li fl-ewwel tliet xhur tas-sena rnexxielhom jilħqu l-mira Ewropea u jlaqqmu 80 fil-mija tal-anzjani li għandhom ’il fuq minn 80 sena.

Analiżi ppubblikata mis-sit awtorevoli Politico dwar l-għoti tal-vaċċin kontra l-Covid-19 fl-ewwel tliet xhur tas-sena, turi li l-Unjoni Ewropea falliet fl-ewwel miri tagħha.

Il-mira tal-Kummissjoni Ewropea kienet li sal-aħħar ta’ Marzu li għadda, tlaqqam 80% tal-anzjani minn 80 sena ’l fuq. Madankollu skont ċifri uffiċjali, il-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi naqsu milli jilħqu din il-mira.

Kienu biss Malta b’95%, l-Irlanda b’94%, l-Iżvezja bi 88%, il-Finlandja b’85% u l-Portugall bi 80% li laħqu din il-mira ambizzjuża biex iħarsu saħħet l-anzjani tagħhom minn dan il-virus u jevitaw aktar imwiet f’din il-kategorija vulnerabbli.

Iċ-ċifri pprovduti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, juru wkoll li fl-UE anqas minn 60% tan-nies li għandhom aktar minn din l-età ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin sat-28 ta’ Marzu li għadda.

L-analiżi turi li bi 32.34%, Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifika Ewropea fl-għoti tad-dożi tal-vaċċin. Huwa biss ir-Renju Unit li għandu rata ogħla minn Malta bi kważi 46%.

Joħroġ ukoll li l-UE naqset milli tilħaq il-mira li bejn Jannar u Marzu jkollha 150 miljun doża. Il-kumpanija BioNtech/Pfizer qabżet il-mira u pprovdiet 67 miljun doża, jiġifieri 7 miljun doża aktar minn dak miftiehem. Moderna laħqet il-mira tagħha li tipprovdi 10 miljun doża, waqt li AstraZeneca pprovdiet biss 30 miljun doża mill-100 miljun ikkuntrattati.

Sadanittant, il-kumpanija Johnson & Johnson għadha ma pprovdiet ebda vaċċin minkejja li l-kuntratt tagħha kien jistipula l-ewwel dożi tal-vaċċin fil-bidu ta’ April. Hu mifhum li l-kumpanija mhix mistennija li tipprovdi l-vaċċin qabel il-15 tax-xahar.

L-analiżi turi wkoll li għadd ta’ pajjiżi Ewropej mhux jużaw id-dożi kollha li qed jaslulhom, b’ħafna minnhom qed iwarrbu t-tieni doża waqt li oħrajn qed ilaqqmu bil-mod. Skont l-ECDC, il-Bulgarija u l-Olanda warrbu aktar minn 34 fil-mija tad-dożi li ngħatawlhom.

Ir-rapport jgħid li fit-tieni tliet xhur tas-sena, id-dożi mhux se jitqassmu b’mod ugwali fl-UE. Dan għall-fatt li għadd ta’ pajjiżi xtraw inqas dożi mill-ammont li kienu jeħtieġu. Fil-fatt jingħad li għadd ta’ pajjiżi straħu l-aktar fuq il-vaċċin tal-AstraZeneca li huwa irħas fil-prezz. Min-naħa l-oħra, pajjiżi oħrajn bħall-Ġermanja, id-Danimarka u Malta xtraw dak li pajjiżi oħrajn għażlu li ma jixtrux.

Stimi tal-Kunsill Ewropew juru li jekk l-Unjoni Ewropea tingħata d-dożi li kkuntrattat, aktar min-nofs il-popolazzjoni Ewropea tkun tlaqqmet sal-aħħar ta’ Ġunju b’Malta mistennija tkun laqqmet 92.3% tal-popolazzjoni tagħha.