Lokali

Malta fost l-10 pajjiżi fid-dinja bl-aħjar servizz tas-saħħa

Skont klassifika ppubblikata fil-ġurnal mediku The Lancet, Malta tinsab fit-8 post minn 188 pajjiż f’dik li għandha x’taqsam mal-mira fil-qasam tas-saħħa tal-Ġnus Magħquda.

Fi stqarrija l-Gvern qal li f’analiżi simili ppubblikata s-sena li għaddiet, Malta kienet fl-14-il post. Dan ifisser li matul din is-sena f’Malta ġie mkejjel titjib konsiderevoli li wassal biex titla’ sitt postijiet ’il fuq fil-klassifika.

Dan l-istudju jikkalkula numru ta’ indikaturi għal żvilupp sostenibbli fil-qasam tas-saħħa, u Malta kisbet punti massimi (100) f’numru ta’ oqsma fosthom: mortalità fit-tfal, malarja u mwiet minn ivvalenar. Mill-banda l-oħra Malta kisbet punti tajbin ħafna (’il fuq minn 90) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tilqim, sanità, kwalità tal-ilma u iġjene.

Indikaturi li jissemmew fl-istudju u li Malta għad għandha bżonn taħdem fuqhom huma l-obeżità fit-tfal u l-inċidenza tal-HIV.