Edukazzjoni
Malta fost l-ewwel pajjiżi b’riżorsa online għat-tagħlim tal-Matematika

Malta se tkun waħda mill-ewwel pajjiżi li se tibbenefika minn riżorsa online tat-tagħlim tal-matematika fil-livell kemm primarju u wkoll sekondarju. Dan permezz ta’ ftehim li sar man-99Math, il-kumpanija Estonjana li ħolqot din ir-riżorsa, u l-Ambaxxatur Magħżul għall-Estonja u l-Finlandja, Dr Kenneth Vella. Din l-inizjattiva saret ukoll bl-appoġġ tal-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti Dr Frank Fabri.

Mill-ġimgħa d-dieħla, l-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri jistgħu jibbenefikaw minn riżorsa online għat-tagħlim tal-matematika. Din ir-riżorsa, bl-isem ta’ 99Math, li se tkun aċċessibbli bla ħlas, saret minn kumpanija Estonjana li hi waħda mill-aqwa 50 kumpaniji fil-qasam edukattiv teknoloġiku fl-Ewropa. Il-ftehim li minnu se jibbenefikaw l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri Maltin fil-livell primarji u sekondarju sar permezz ta’ negozjati mal-Kap Eżekuttiv ta’ 99Math, Tonis Kusmin u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja, Dr Kenneth Vella.

Il-ftehim jaħseb ukoll biex minbarra r-riżorsa li se tkun aċċessibbli l-ġimgħa d-dieħla, ladarba l-kumpanija 99Math toħroġ il-verżjoni premium ta’ din ir-riżorsa, Malta tkun l-ewwel pajjiż li jkollha aċċess għalih wara l-Estonja. Fl-aħħar snin l-Estonja għamlet avvanzi fil-qasam edukattiv u dan joħroġ minn riżultati miksuba f’eżamijiet internazzjonali. Il-Kap Eżekuttiv ta’ 99 Math, Tonis Kusman, qal li permezz ta’ 99Math, l-għalliema jistgħu joħolqu logħba tal-matematika f’inqas minn minuta u wara kull logħba l-għalliema jaraw ir-riżultati dettaljati tal-andament tal-istudent u r-riżorsa tidentifika wkoll fejn hemm problemi fit-tagħlim li jridu jiġu indirizzati. Dan kollu jsir permezz ta’ logħob li l-istudenti jieħdu gost bihom.

“Malta is the first country in the world, outside of Estonia that is taking advantage of this free offering for the entire country for one year. So I wish you engage in Math practice, developing kids’ strengths and having a lot of fun with Math.”

Dan il-ftehim sar b’appoġġ tal-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru Dr Frank Fabri. Dr Fabri qal li jinsab ċert li din il-kollaborazzjoni bejn il-Maltin u l-kollegi Estonjani se twassal għal inizjattivi oħra fis-settur edukattiv fis-snin li ġejjin.

Min-naħa tiegħu Dr Kenneth Vella qal li ftehim bħal dan ma’ 99Math jikkumplimentaw l-viżjoni ekonomika tal-Gvern li tqegħed enfasi ikbar fuq it-tagħlim tax-xjenza u l-matematika fil-livelli primarji u sekondarji. Dr Vella qal li bl-għajnuna wkoll tal-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u Barranin, Malta qed tgawdi minn kollaborazzjoni bejn l-entitajiet Maltin u Estonjani mhux biss fil-qasam tal-edukazzjoni imma wkoll fl-intelliġenza artifiċjali, tekonoloġija diġitali u kummerċ online.