Malta fost l-iktar pajjiżi storbjużi fl-Ewropa

Statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea tindika li Malta hija l-aktar pajjiż storbjuż fl-Ewropa segwita mill-Ġermanja, l-Olanda u l-Portugall. L-istatistika indikat li Malta taqbeż il-medja Ewropea b’10 fil-mija. Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss it-tniġġis tal-ħoss f’pajjiżna u l-effett li jħalli fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Fost diversi ħsejjes imsemmija nsibu t-traffiku, x-xogħol ta’ kostruzzjoni u l-ħsejjes mill-postijiet ta’ divertiment.

Waqt id-diskussjoni issemma wkoll l-istorbju li jiġi ġġenerat mill-industrija tat-Turiżmu, Philip Fenech Viċi President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tenna li f’ċirkostanzi normali, pajjiżna jilqa’ mal-230,000 turist fix-xahar. Bla dubju dan iwassal għal iktar storbju f’diversi oqsma tal-pajjiż. Imma l-imprendituri kemm qegħdin ikunu prudenti biex min joqgħod fil-viċinanzi ma jiġix affettwat? “l-infurzar ma jkunx kuljum, kultant ikun ikkontrollat imma meta jkun il-peak tas-season, nammetti li f’Awissu speċjalment, ikun hemm iktar volum milli jkun hemm is-soltu” spjega Fenech.

F’kumment ma ‘Popolin’, Dr Andrew Sciberras spjega li l-istorbju għandu effett dirett fuq is-saħħa tal-bniedem kemm b’mod fiżiku kif ukoll b’mod psikoloġiku. It-tniggis tal-ħoss jista’ jwassal għal żieda fil-pressjoni, iktar stress, sturdament, ħsara fin-nervituri jew telf tas-smiegħ. Fil-fatt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qed tagħmel kampanja edukattiva bl-isem ‘Make Listening Safe’ bit-tir li titqajjem iktar kuxjenza dwar kif wieħed jista’ jieħu iktar ħsieb tas-smiegħ tiegħu. Statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea indikat li f’Malta 10 persuni fis-sena mietu qabel iż-żmien minħabba t-tniġġis tal-ħoss filwaqt li 20 persuna fis-sena jiddaħħlu l-isptar għall-istess raġuni. L-istess rapport jgħid li madwar 12,000 persuna fis-sena ma jirnexxielhomx jorqdu tajjeb għaliex ikun hemm xi ħsejjes fil-viċin li jaffettwahom.