Kronaka
Malta fost l-iżjed pajjiżi li rnexxielhom jaqbdu l-kokaina u l-kannabis

Ir-Rapport Ewropew dwar is-Swieq tad-Droga, wera li Malta kienet fost l-iżjed pajjizi li rnexxielha taqbad id-drogi kokaina u kannabis. Dan ir-rapport Ewropew isir kull tliet snin u fih żewġ aġenziji Ewropej jgħaqqdu l-ħidmiet tagħhom biex jipprovdu informazzjoni dettaljata fuq it-traffikat illegali tad-droga.

Ir-rapport Ewropew dwar it-traffikar tad-droga wera li fl-2017, fil-qasam tal-kannabis, Malta flimkien ma’ sitt pajjiżi oħra, il-Belġju, Greċja, Spanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u n-Norveġja, irrappurtaw total ta’ 1,483 qabda ta’ din id-droga. Din ammontat għal 50 kilò, li jfissru iżjed minn 18,000 pakkett ta’ żerriegħa tal-kannabis. Ir-rapport Ewropew isir bil-ħidma ta’ żewġ aġenziji Ewropej: iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga u l-Europol.

Ir-rapport wera li r-reżina tal-kannabis tasal fl-Ewropa mill-Marokk, l-Afganistan, l-Albanija u l-Libanu. Malta tissemma għax is-sena l-oħra nqabdu fil-Freeport 11-il tunnellata ta’ reżina tal-kannabis fi triqitha mil-Libanu. Ir-rapport isostni li din il-qabda tindika li r-reżina tal-kannabis mil-Libanu qed tasal fis-swieq Ewropej.

Dwar il-kokaina, ir-rapport jgħid li mill-2005 sal-2017 baqgħu jiżdiedu l-ammonti ta’ kokaina li jintbagħtu mill-Amerka t’Isfel għall-portijiet żgħar fl-Ewropa bħall-port Ħieles ta’ Malta, u Vlissingen fl-Olanda fost l-oħrajn. Skont ir-rapport, ammonti żgħar ta’ kokaina kull sena jinqabdu fuq passiġġieri bl-ajru madwar l-Ewropa. Jissemma l-fatt li fuq vjaġġi trans-atlantiċi jkun hemm traffikar ta’ droga fuq jets privati. Dwar il-qabdiet tal-kokaina bejn l-2007 u l-2017, Malta u l-Lussemburgu ssemmew li kellhom qabdiet pjuttost kbar meta tqis il-popolazzjoni żgħira tagħhom.

Ir-Rapport Ewropew tas-Swieq tad-Droga jsir darba kull tliet snin bl-għan li jagħti stampa ċara fuq is-swieq illegali tad-droga madwar l-Ewropa.