COVID-19
Malta għandha l-ewwel sinjal ċar li t-tilqima qed taħdem – Dr Mallia Azzopardi

Esperti tas-saħħa Maltin qed jinnutaw li t-tilqima tal-Covid qed taħdem. Dan hekk kif bdew jinħassu l-ewwel effetti, fosthom b’inqas anzjani ‘l fuq minn 80 sena li qed jispiċċaw rikoverati fl-Isptar Mater Dei.

F’intervista ma’ TVM, il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, Dr Charles Mallia Azzopardi, stqarr li għalkemm il-preżenza tal-varjanti hija ta’ tħassib, it-tilqim xorta jservi ta’ tarka kontra kull tip tal-virus tal-Covid.

52 ġurnata mindu ngħata bidu għall-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-covid, sal-bieraħ ingħataw 55,709 dożi, li minnhom 17,843 kienu t-tieni doża tat-tilqima kontra l-Covid. Ċifri uffiċjali juru li madwar 10% tal-popolazzjoni Maltija ngħataw l-ewwel doża, filwaqt li madwar 3% ħadu anke t-tieni doża tal-vaċċin, fosthom il-ħaddiema tas-saħħa u l-anzjani ‘l fuq minn 80 sena li issa huma protetti kontra l-virus.

F’dan l-isfond l-esperti tas-saħħa pubblika b’sodisfazzjon innuttaw tnaqqis fl-ammont ta’ anzjani ‘l fuq minn 80 sena li spiċċaw rikoverati fl-Isptar Mater Dei. Fi kliem Dr Mallia Azzopardi dan huwa sinjal li l-vaċċin qiegħed jaħdem. Ma’ Television Malta stqarr li jonqos l-aħħar sforz biex tingħeleb din l-isfida.

“Diġà qed naraw; fil-popolazzjoni anzjani l-iżjed anzjani ‘l fuq minn 80, li l-maġġoranza ġew imlaqqmin, qed naraw nuqqas li ġejjin l-isptar. Jekk qabel biex nagħti eżempju konna naraw 15 il-ruħ f’dan il-grupp, issa qed jonqsu ħafna. Dak huwa l-ewwel sinjal fiċ-ċar li t-tilqima qed taħdem.”

L-għada li ġie rraportat l-ewwel każ tal-varjant tal-Afrika t’ Isfel f’Malta Dr Mallia Azzopardi spjega li t-tilqim żviluppat xorta waħda huwa tarka importanti kontra l-varjanti minħabba li r-rata għolja ta’ protezzjoni li għandhom.

“Jekk jiena s-soltu vaċċin jagħtini 90%, 95% effikaċa u dan il-varjant naqqasha 20%, xorta għandi immunità tajba biex tipproteġini kontra l-varjant. Min naħa l-oħra dan jittieħed ħafna iżjed allura rridu noqgħodu viġilanti.”

F’dan l-isfond illum il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta’ azzjoni multi-miljunarju biex tidentifika u tindirizza varjanti ġodda kif ukoll tiżviluppa tilqim ġdid f’ammonti akbar. Fost ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi mod ġdid u iktar mgħaġġel ta’ kif issir l-awtorizzazzjoni għat-tilqim.

Intant, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA), ħabbret li rċeviet applikazzjoni biex tawtorizza l-bejgħ tat-tilqima kontra l-Covid-19 prodotta mill-kumpanija Janssen-Cilag International N.V. Id-deċiżjoni mistennija tingħata lejn nofs Marzu.

Ara iktar hawn:

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini se tanalizza t-tilqima ta’ Janssen għall-Covid-19