Lokali
Malta hija attraenti għall-investiment?

L-istħarriġ tal-EY Malta, li ilu jsir 16-il sena u jkejjel kemm Malta hi attraenti għall-investiment, wera li l-maġġoranza tal-kumpaniji jsibu lil Malta attraenti. Din is-sena dan is-sentiment naqas fost il-kumpaniji li ħadu sehem fih.

Is-sittax-il edizzjoni tal-istħarriġ tal-EY Malta li jsaqsi lill-investituri barranin dwar kemm Malta tattira investiment, wera li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji għadhom jaraw lil Malta attraenti. 62 fil-mija tal-kumpaniji li ħadu sehem fl-istħarriġ li esprimew li Malta hija attraenti għalhom.

Ronald Attard qal “il-punti li huma attrajenti għal Malta huma s-sistema tat-taxxa tagħna li hemm 83% li jgħidu li jsibuha attrajenti. Joħroġ b’saħħtu dis-sena t-telecoms infrastructure, jiġifieri l-infrastruttura li għandna tat-telekomunikazzjoni hawn Malta, naħseb li hi importanti għall-industriji bħal gaming pero mhux biss u wkoll is-social climate hawn Malta.”

Minkejja dan is-sentiment pożittiv fost il-maġġoranza tal-kumpaniji li ħadu sehem fl-istħarriġ, Ronald Attard minn EY Malta spjega ma’ TVM li xorta hemm fatturi li jimbuttawhom lill-investituri milli jagħżlu biex jiftħu n-negozju tagħhom f’Malta.

“Aħna nsaqsu lin-nies biex jgħidulna fuq l-istabbilità tal-political regulatory environment hawn Malta u dan naqas. Dan fejn fil-passat kien ikun wieħed mit-top factors, illum huwa wieħed mill-inqas attrajenti għal Malta. Imbagħad għandna fatturi oħrajn li minn dejjem kienu jkunu baxxi għal Malta bħal pereżempju l-innovation capacity u wkoll it-transport network hawn Malta li forsi huwa parti għax aħna gżira.”

L-investituri li ħadu sehem fl-EY Malta survey qalu li 80 fil-mija tal-investituri barranin sostnew li jistennew li sa għaxar snin oħra l-kumpanija tagħhom tkun għadha Malta. Dan hu fl-istess livell tal-2019. Qabel il-pandemija, 53 fil-mija ta’ dawn il-kumpaniji kellhom pjani li jestendu l-operat tagħhom f’Malta matul is-sena. Madankollu, wara li faqqgħet il-coronavirus, kienu biss żewġ terzi tal-kumpaniji li ħassewhom fiduċjużi li se joħorġu minn dan il-perjodu, waqt li 15%  ma ħassewhomx fiduċjużi dwar dan u 19% kienu inċerti.

Kważi l-investituri kollha, 94%, qalu li bħala parti mill-istrateġija li qed tindirizza l-pandemija, il-Gvern għandu jagħti prijorita’ lil prattiċi ambjentalment sostenibbli.