Lokali
Malta jidher li ffrankat il-maltempata qawwija – madankollu se jkollna riħ qawwi

Malta jidher li ffrankat il-maltempata qawwija li kellha taħkem ilbieraħ u llum.

Waqt il-programm TVAM, li jixxandar fuq TVMnews+, l-espert fit-temp, Clinton Caruana qal li għalkemm il-maltempata qed iddur lejn ix-xlokk ta’ Malta, it-trakka tagħha nbidel u għalhekk jidher li Malta skansat l-agħar tagħha għax se tgħaddi mill-Ilvant ta’ Malta, tmur Katanja u tinżel ‘l isfel minflokk tmur lejn Sqallija.

Spjega li għalkemm Malta skansat l-agħar tal-maltempata, din il-maltempata hija kklassifikata bħala waħda tropikali. Qal li l-maltempata qed iġġib l-enerġija minn differenza tat-temperatura iżda fuq kollox mill-ilma sħun tal-baħar.

Dwar ir-riħ huwa qal li mistenni jitla’ għal forza 8 aktar tard.

Clinton qal li min-nhar il-Ġimgħa, it-temp mistenni jiġu lura għan-normal. Madankollu, spjega li għalissa l-maltemp se jibqa’ jinħass ħafna fuq il-baħar u anki se jkollna riħ qawwi.