Malta Libraries esperjenzat żieda ta’ madwar 250% fuq self ta’ kotba diġitali

Maria Muscat minn Malta Libraries spjegat li hawn diversi persuni li għandhom il-qari bħala l-passatemp primarju tagħhom. Ħafna nies jissellfu l-kotba kemm mill-libreriji ċentrali kif ukoll mill-libreriji li jinsabu fil-villaġġi. Bejn wieħed u ieħor f’Malta hawn 60 librerija pubblika. Mir-riċerka li saret jidher li l-ktieb diġitali għen biex in-nies jinġibdu iktar lejn il-qari. Minn sena għal sena l-istatistika turi li l-qarrejja dejjem qed jiżdiedu.

Maria Muscat tenniet li waqt il-Pandemija tal-Covid19 is-self ta’ kotba diġitali sploda. Fil-fatt bejn Jannar u Settembru 2020, il-Malta Libraries esperjenzat żieda ta’ madwar 250% meta komparata mal-istess xhur tas-sena ta’ qabel.