Lokali
Jibda jingħata l-booster tal-vaċċin lir-residenti fid-djar tal-anzjani

Mil-lum bdiet tingħata doża ta’ booster lill-anzjani fi djar residenzjali. L-għoti tal-booster tmexxa ‘il quddiem wara li f’żewġ djar tal-anzjani nstabu persuni pożittivi għall-virus li kienu mlaqqma: 9 f’dar u 5 f’dar oħra.

Mil-lum ukoll beda jintbagħat l-invit għall-booster lil nies b’immunità baxxa biex jieħdu l-booster miċ-ċentru fl-Università. F’konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa l-oħra, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mill-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru mbagħad, il-booster se jibda jingħata lill-anzjani kollha ta’ aktar minn 70 sena li jgħixu fil-komunità. Dr Fearne spjega li r-riċerka s’issa qed turi li huma dawk li għandhom ‘il fuq minn 70 sena u dawk b’immunità baxxa li jibbenefikaw mit-tielet doża tat-tilqima.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa aċċenna fuq kemm hu importanti li l-iktar persuni vulnerabbli jieħdu l-booster dose sabiex l-immunità tagħhom kontra l-COVID-19 tibqa’ b’saħħitha, speċjalment matul ix-xhur li ġejjin fejn jibda dieħel ukoll l-istaġun tal-influwenza. Huwa fakkar li l-persuni immunosopressi se jibdew jirċievu l-istedina għall-appuntamenti tal-booster mil-lum.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li se jkunu qed jingħataw madwar 500 tilqima kuljum lil dawk l-anzjani li jgħixu fid-Djar tal-Anzjani, kif ukoll lil dawk li huma residenti f’San Vinċenz de Paul.

Dan il-proċess qed isir b’ħidma konġunta bejn l-Awtoritajiet għas-Saħħa u s-Social Care Standards Authority.

Intant mil-lum huma permessi avveniment bil-wieqfa fuq barra u li għalihom jistgħu jattendu sa 100 persuna. Għal dawn l-avvenimenti, trid tintilbes il-maskra u jrid ikun hemm spazju ta’ żewġ metri kwadri għal kull persuna.