Lokali
Malta mal-aqwa 20 gżira għal btala fl-Ewropa

Il-gżejjer Maltin ġew ikklassifikati fost l-aqwa gżejjer għall-btala fl-Ewropa. Dan joħroġ minn stħarriġ li sar mis-sit KAYAK, sit elettroniku ewlieni għall-ivvjaġġar fid-dinja.

Kreta u l-Greċja ġew ikklassifikati fil-quċċata ta’ dan l-istħarriġ b’Malta tiġi kklassifikata fl-20 post minn fost 70 gżira fl-Ewropa.

Fi stqarrija, KAYAK qalet li din il-klassifika tfasslet wara li analizzat 70 gżira madwar Ewropa msejsa fuq seba’ kategoriji fosthom it-temp, l-aċċessibilità tat-titjiriet, il-prezzijiet marbuta mal-lukandi, ir-restoranti, l-ikel u t-trasport, is-sigurtà mill-Covid-19 u affarijiet li tista’ tagħmel waqt btala.

Dawn il-kategoriji ġew imkejla ma’ bosta fatturi oħrajn biex jiġi ddeterminat liema gżejjer joffru lit-turisti l-aqwa esperjenza ħolistika kif ukoll dawk li huma meqjusa bħala l-aktar addattati għall-bżonnijiet speċifiċi tal-vjaġġaturi, fosthom l-aqwa btajjel għall-familji u l-aktar destinazzjonijiet li joffru valur għall-flus.

Il-kumpanija qalet li fuq kollox, din il-klassifika għandha l-għan li tgħin lit-turist jagħżel aħjar fejn jista’ jmur għal btala bla xkiel.

Is-sit żied jgħid li hekk kif reġgħu nfetħu l-fruntieri Ewropej għall-ivvjaġġar, it-tfittxija għat-titjiriet lejn gżejjer Ewropej żdiedet bi 11% meta mqabbel mas-sajf ta’ sentejn ilu, jiġifieri qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 li heżżet għalkollox l-industrija turistika.