COVID-19
Malta mbassra li tilħaq il-quċċata tal-pandemija fi 12-il jum

L-Institute of Health Metrics and Evaluation (IHME) qed ibassar li Malta se tilħaq il-quċċata tal-każijiet ta’ Covid-19 fit-22 t’April, jiġifieri 12-il jum mil-lum.

L-analisti tal-IHME jbassru wkoll li, anki fil-quċċata tal-pandemija, l-isptarijiet Maltin se jkollhom biżżejjed sodod.

Dan it-tbassir madankollu huwa bbażat fuq l-eventwalità li n-nies tosserva b’rettezza l-miżuri ta’ social distancing matul Mejju. Dan ifisser li jekk id-dixxiplina tal-poplu tillaxka, it-tbassir pjuttost pożittiv tal-IHME ma jibqax relevanti.

Skont l-istess analiżi, fil-quċċata tal-pandemija Malta se jkollha bżonn 33 sodda, u 8 sodod tal-ITU, flimkien ma’ 7 ventilators. Iktar minn hekk, huwa mbassar li sal-ewwel jiem t’Awwissu Malta tkun irreġistrat 19-il mewt kawża tal-Covid-19.

Mistoqsi dwar it-tbassir tal-awtoritajiet Maltin waqt il-programm Dissett, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern ma jridx jagħmel dikjarazzjonijiet popolisti, iżda qed jimxi ma’ tbassir ibbażat fuq ix-xjenza.

Sadnittant, tista’ tara t-tbassir sħiħ tal-IHME għal Malta hawn.