Politika
Malta mhux tikser regoli fil-ħatriet tal-ġudikatura – L-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea

L-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ma sabx li Malta qed tikser xi regoli b’rabta mal-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Gerard Hogan qal li l-liġi Ewropea ma teskludix li l-Kostituzzjoni tagħti poter lil xi membru tal-eżekuttiv, bħalma huwa dak tal-Prim Ministru, milli jkollu rwol fil-proċess tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

L-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Hogan ġiet ippubblikata llum, 8 xhur wara li l-għaqda Repubblika fetħet kawża fil-Qorti Ewropea biex tara jekk is-sistema attwali ta’ kif isiru l-ħatriet tal-ġudikatura hux tikser it-Trattat tal-Unjoni Ewropea jew id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

B’reazzjoni, l-għaqda Repubblika qalet fi stqarrija li ħadet nota tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tittama li d-deċiżjoni aħħarija tal-Qorti Ewropea, li mistennija ftit tax-xhur oħra, timxi fuq l-istess passi ta’ sentenzi preċedenti.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li ngħata raġun mill-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-ġudikatura hekk kif mill-analiżi li saret tas-sistema ġudizzjarja f’Malta partikolarment dik li daħlet fis-seħħ mill-2016 sal-lum il-ġurnata, l-Avukat Ġenerali Hogan sab li din tgawdi minn protezzjoni legali qawwija għall-indipendenza tagħha.