Unjoni Ewropea
Malta mistennija tirċievi €41 miljun f’fondi addizzjonali mill-UE biex jittaffa l-impatt ta’ Brexit

Minħabba d-divorzju tar-Renju Unit minn mal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea allokat €5 biljun biex tgħin pajjiżi stati membri jadattaw għall-din ir-realtà ġdida. Għal Malta qed ikun propost li tingħata €41 miljun, bil-Gvern qed jinsisti li dan il-fond jibda jintuża mill-aktar fis biex itaffi mill-piż ekonomiku li se jiffaċċjaw bosta negozji li se jintlaqtu ħażin minħabba Brexit.

Dawn il-fondi qed jiġu proposti li jintużaw għal inizjattivi li jmorru lil hinn mill-pakkett ta’ aktar minn €2 biljuni u 25 miljun li Malta se tkun qed tirċievi f’fondi Ewropej fis-seba’ snin li ġejjin. Television Malta jinsab infurmat li din il-figura mhix finali u taf tinbidel.

Għal dan il-fond ġew allokati €5 biljun mill-Unjoni Ewropea u s-somma li kull stat membru se jirċievi hija bbażata fuq ir-relazzjoni ekonomika mar-Renju Unit, inkluż il-bejgħ ta’ prodotti u s-servizzi kif ukoll is-sajd f’ibħra esklusivi għaż-żona tar-Renju Unit. Skont dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea jidher li l-aktar tliet pajjiżi li se jibbenefikaw minn dan il-fond huma l-Irlanda, l-Olanda u l-Ġermanja.

Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet li l-Istati Membri qed jinsistu li dan il-fond jibda jintuża malajr u l-Kummissjoni Ewropea stess qed tqis il-ħolqien ta’ dan il-fond bħala għodda importanti ħafna li se tagħti sostenn finanzjarju biex jittaffu r-riperkussjonijiet ħżiena ta’ Brexit fl-aktar pajjiżi li se jintlaqtu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Madanakollu l-kelliema qalet li d-diskussjonijiet dwar il-fondi proposti għadhom kif bdew u għadhom iridu jgħaddu mill-iskrutinju tal-Istituzzjonijiet Ewropej u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Qalet ukoll li għaddejjin taħditiet dwar f’liema oqsma se jkunu jistgħu jintefqu dawn il-fondi kemm f’Malta kif ukoll fl-Istati Membri kollha.

L-ewwel pagament huwa ppjanat li jsir din is-sena u l-kumplament tal-fondi se jingħataw 3 snin oħra.