Immigrazzjoni
Malta se tagħfas fuq ir-regoli tal-iżbark tal-immigranti

Il-Forti Sant’ Anġlu, li għal medda ta’ snin kien l-għassies tal-kosta ta’ Malta, se jservi ta’ sfond għal-laqgħa tal-Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u tal-Ġermanja, biex flimkien mal-Finlandja, li għandha l-Presidenza tal-Unjoni Eweropea, u l-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, jiddiskutu dokument dwar l-immigrazzjoni.

Il-laqgħa f’Malta hija riżultat ta’ bosta inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur biex jinstabu soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet li qed jinħolqu, speċjalment bl-immiganti abbord il-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi.

Malta u l-Italja qegħdin jipproponu sistema awtomatika ta’ tqassim ta’ immigranti li jiġu salvati fil-Mediterran. TVM huwa infurmat li jekk jintlaħaq dan il-ftehim, jintemmu darba għal dejjem is-sitwazzjonijiet ta’ immigranti li jinqabdu fil-limbu fuq il-baħar, fuq il-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi.

Lejlet laqgħa Ministerjali f’Malta, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal lil TVM li r-regoli dwar l-iżbark tal-immigranti se ikunu parti kruċjali tal-ftehim, li qed jittama li jintlaħaq mal-Ministri tal-Intern tal-Italja, Franza u tal-Ġermanja

“Qegħdin ngħidu li m’għandux ikunu biss Malta u Lampedusa l-postijiet fejn il-peruni jitniżżlu minn NGO boats, imma għandu jkun hemm rotazzjoni ta’ portijiet li jipparteċipaw kollha flimkien. Irrid ngħid ukoll li fuq prinċipju ta’ rotazzjoni liema huma l-pajjiżi li fil-fatt se jkunu qed jersqu ‘l quddiem, għax jekk se jkun biss Malta u l-Italja li jersqu ‘l quddiem ma nkunu solvejna xejn.”

L-istess ħsieb, Franza u l-Italja li ddikjaraw li immigranti salvati fil-Mediterran għandhom jitqassmu awtomatikament f’pajjizi tal-Unjoni Ewropea. Stqarrew dan il-President Franciz Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte waqt laqgħa li kellhom f’Ruma, qabel il-laqgħa tat-Tnejn f’Malta.

“Għandu jkun hemm iktar solidarjetà li hija nieqsa ħafna fl-Ewropa. L-Unjoni Ewropea ma tatx biżżejjed provi ta’ solidarjetà mal-pajjiżi tal-ewwel wasla, u Franza hija lesta tbiddel fuq dan il-punt fil-kuntest tar-reviżjoni sħiħ tal-ftehim ta’ Dublin,” qal il-President Macron.

In-negozjati biex jintlaħaq dan il-ftehim bdew waqt laqgħa bejn id-29 ministru tal-Intern, f’Lulju li għadda f’Helsinki. Dakinhar Malta u l-Italja ppreżentaw dokument konġunt rigward il-kwistjoni tal-iżbark tal-immigrant, waqt li Franza u l-Ġermanja ppreżentaw ukoll dokument tagħhom fuq il-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi.

“Kien hemm żewġ proposti li tressqu quddiem il-Kunsill tal-Ministri għall-Intern, waħda bejn Franza u l-Ġermanja u l-oħra bejn Malta u l-Italja. Meta konna Helsinki ftehmna l-4 ministri li niltagqħu flimkien ħalli nippruvaw inġibu liż-żewġ proposti lejn xulxin; l-iskop huwa li kemm jista jkun naslu biex bejn il-ministri b’mod politiku naslu għal proposta waħda,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Farrugia qal li l-Ministri tal-Intern se jaraw l-għaqdiet umanitarji jimxu skont il-liġi fejn jidħlu operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar.

“Irridu naraw li s-sistema li se noħolqu ma tkunx ta’ attrazzjoni għall-persunui li jispiċċaw fuq id-dinghys perikolużi, li anqas jifilħu jaslu mill-Afrika ta’ Fuq lejn Malta, aħseb u ara lejn l-Italja. U rridu naċċertaw ruħna wkoll li l-NGO boats jaħdmu f’ambjent regolat u mhux kulħadd jagħmel li jrid,” sostna l-Ministru Farrugia.

Fil-Forti Sant’ Anġlu qed isiru l-aħħar tħejjijiet għal-laqgħa, li mistennija tibda għall-ħabta tal-10.30 u tintemm b’konferenza tal-aħbarijiet.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-mediċina u l-ikel huma fost l-aktar prodotti essenzjali li mingħajrhom Malta ma tgħaddix fi żmien ta’ pandemija. Tliet xufiera Maltin li jaħdmu ma’ kumpanija lokali tal-loġistika rifsu Malta għall-ewwel darba…

Lokali

Fil-fehma tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, il-ġlieda kontra d-droga u l-kultura tal-flus huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ma jaqbdux it-triq tal-kriminalità li studju juru li jekk jidħlu fiha minn…

Kronaka

Il-pulizija qed tfittex raġel li wara nofsinhar daħal jisraq minn dar ta’ anzjana f’San Ġiljan. Il-pulizija qalet li ġiet informata bis-serqa minn residenza fi Triq Ċensu Tabone li tinsab fiż-żona…

Infrastruttura

Dik li kienet il-Biċċerija l-Antika lejn in-naħa t’isfel tal-Belt, mix-xahar id-dieħel se tkun il-Valletta Design Cluster – proġett li ser ikun wirt ieħor li jibqa’ minn fost kullana ta’ inizjattivi…

Aktar