Lokali
Malta se tibda ċċedi assi Libjani li ilhom iffriżati mir-rivoluzzjoni

Il-Gvern Malti mistenni jibda jċedi wħud mill-assi Libjani li ilhom iffriżati f’Malta mir-rivoluzzjoni li seħħet fil-pajjiż madwar 10 snin ilu.

TVM jista’ jikkonferma li din il-kwistjoni kienet fuq l-aġenda tat-taħdidiet li saru lbieraħ fi Tripli bejn il-Prim Ministru Malti Robert Abela u dak Libjan Abdul Hamid Debibah.

Il-Prim Ministru Malti qal lil TVM li kellu diskussjonijiet kordjali mal-Prim Ministru Libjan u semma kif Malta se tneħħi xi restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ fosthom ta’ lanċa navali li se tkun qed tgħaddi mill-ġdid f’idejn il-Gvern Libjan.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Libjan qal li Malta kienet strumentali għall-paċi fil-Libja għax uriet l-appoġġ kontinwu tagħha f’laqgħat mal-fazzjonijiet rivali fil-pajjiż.

Fi tmiem il-laqgħat mad-delegazzjoni Maltija mmexxija mil-Prim Ministru Robert Abela fi Tripli, il-Prim Ministru Libjan laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jiftaħ mill-ġdid tal-ambaxxata u l-konsulat biex fost l-oħrajn ikun jista’ joħorġu l-visas għal-Libjani.

Debibah esprima wkoll sodisfazzjon għall-mod kif il-Gvern Malti ndirizza l-kwistjoni tal-assi Libjani ffriżati f’Malta li hu stmat li jaqbżu l-€200 miljun.

Mistoqsi minn Television Malta dwar din il-kwistjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bis-saħħa ta’ Malta tneħħew ċertu sanzjonijiet internazzjonali biex eventwalment l-assi ma jibqgħux iffrizati f’Malta u jingħataw lill-Gvern Libjan.

Hu mifhum li l-assi tal-Gvern Libjan u tal-familja Gaddafi jikkonsistu fi flus depożitati f’banek u ishma f’kumpaniji.

F’intervista ma’ Television Malta fi Frar li għadda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kien qal li Malta lesta tgħaddi dawn il-flus meta sseħħ l-għaqda mill-ġdid tal-Libja.

Dan biex jiġi assigurat li dawn il-flus imorru għall-ġid tal-poplu Libjan u mhux għall-armi jew biex jiħallsu l-merċenarji.