Politika
Malta se tibqa’ tisħaq li ċ-ċittadinanza kompetenza tagħha

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunità Alex Muscat qal li Malta se tkompli ssostni l-pożizzjoni tagħha mal-Kummissjoni Ewropea li ċ-ċittadinanza hija kompetenza nazzjonali u li għalhekk il-programm tar-residenza b’investiment għandu jibqa’ fis-seħħ.

Huwa qal dan lill-ġurnalisti b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni li għamlet ilbieraħ il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen meta kienet fi żjara uffiċjali f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunità Alex Muscat qal li fl-aħħar xhur kien hemm korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta’ Residenza b’Investiment Maltija.

Huwa sostna li Malta qieghda tkompli targumenta l-każ tagħha fid-dettall mal-Kummissjoni.

“Aħna nibqgħu nemmnu li dak li għandu x’jaqsam ma’ ċittadinanza huwa kompetenza nazzjonali. Kull pajjiż se jiddeċiedi hu l-kompetenza tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ċittadinanza. Riċentament kellna pajjiżi fejn il-ġimgħa l-oħra stess baxxew il-liġijiet tagħhom, illi waqgħu l-bżonn għar-residenza għal sentejn”.

Is-Segretarju Parlamentari qal dan b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni li għamlet ilbieraħ il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt zjara ta’ ftit siegħat fil-gzejjer Maltin.

von der Leyen qalet li Malta għandha twaqqaf minnufih il-Programm ta’ Residenza b’Investiment għax permezz taghha min jikseb iċ-ċittadinanza Maltija jkun qiegħed jikseb ukoll aċċess għal 26 pajjiż ieħor.

“It is of utmost importance to stop that procedure becasue we should not forget that the golden passport enable potentially the person to have access to other member states in the European Union”.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, is-Segretarju Parlamentari Muscat qal li l-programm ta’ Malta attira investituri kemm mill-Istati Uniti u anki mill-Unjoni Ewropea stess li jridu jiġu Malta biex ikattru n-negozju taghom.