Ekonomija u Finanzi
Malta se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku fl-2019 u l-2020 – KE

Il-Kummissjoni Ewropea reġgħet ikkonfermat li din is-sena u s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tirreġistra l-akbar tkabbir fost it-28 pajjiż-membru tal-Unjoni Ewropea. Fit-tbassir ekonomiku tas-sajf, il-Kummissjoni Ewropea qalet li din is-sena t-tkabbir f’Malta mistenni jkun fil-livell ta’ 5.3%, tliet darbiet aktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea.

L-analisti ekonomiċi tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li din is-sena u s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se tkun l-aktar waħda li tikber – b’5.3% u 4.8% rispettivament. Mill-banda l-oħra, l-inflazzjoni se tiżdied b’żero punt wieħed fil-mija fl-2019 u l-2020.

B’rata ta’ 4.4%, l-Ungerija u l-Polonja mistennija jkollhom it-tieni l-aħjar tkabbir din is-sena segwiti mill-Irlanda u r-Rumanija (4%) b’erbgħa fil-mija. Is-sena d-dieħla wara Malta, it-tieni l-aħjar tkabbir mistenni jinkiseb mill-ekonomija Rumena bi 3.7%. Segwiti mill-Polonja (3.6%), il-Bulgarija (3.4%) u l-Irlanda (3.4%). It-tkabbir medju fl-Unjoni Ewropea se jkun 1.4% din is-sena u 1.6% fl-2020.

Din is-sena l-agħar tkabbir ekonomiku mistenni jiġi rreġistrat fl-Italja (0.1%) u l-Ġermanja (0.5%) waqt li s-sena d-dieħla, l-Italja se jibqgħu fl-aħħar post (0.7%) u qabel tal-aħħar il-Belġju u l-Fillandja (1.2%).

Fir-rapport fuq Malta, il-Kummissjoni Ewropea osservat li s-sena li għaddiet l-ekonomija kibret b’aktar minn 5% għal ħames sena konsekuttiva u fi kliemha dan hu riżultat tal-bidla fid-direzzjoni ekonomika għal waħda bbażata fuq is-settur tas-servizzi internazzjonali. Ġie nnutat li t-tkabbir fil-qasam tax-xogħol ikkontribwixxa għal aktar flus fil-bwiet u għal konsum privat rekord. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, id-domanda domestika kienet motivata l-aktar mill-investiment u l-konsum pubbliku waqt li l-konsum privat naqqas bi ftit. Fl-istess waqt, l-esportazzjoni naqdet riżultat ta’ tkabbir qawwi fl-importazzjoni. Il-fiduċja tal-konsumaturi baqgħet f’livelli storiċi ogħla mill-medja iżda f’Marzu li għadda s-sentiment beda jbatti speċjalment fis-settur tas-servizzi.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li għas-sentejn li ġejjin l-andament ekonomiku mistenni jibqa’ b’saħħtu iżda jibda jimmodera gradwalment. In-nefqa pubblika mistennija tiżdied b’pass aktar mgħaġġel mill-privat hekk kif il-Gvern se jkun jista’ juża s-surplus li akkumula fl-aħħar snin.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Euro, Valdis Dombrovskis qal li din is-sena u s-sena d-dieħla l-ekonomiji kollha tal-Unjoni Ewoprea mistennija jikbru anke jekk it-tkabbir b’saħħtu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jikkuntrasta mar-ritmu aktar dgħajjef fil-Ġermanja u l-Italja. Wissa minn tensjonijiet kummerċjali fosthom mill-Istati Uniti, inċertezza politika u Brexit li fi kliemu għadu sors ewlieni ta’ riskju jekk ma jkunx hemm ftehim.