COVID-19
Malta se tirrikonoxxi ċ-ċertifikat tat-tilqim li jingħata fl-Istati Uniti

L-awtoritajiet tas-saħħa u tat-turiżmu għaddejjin b’arranġamenti tekniċi biex jiġu verifikati l-karti ta’ vaċċinazzjoni tas-CDC tal-Istati Uniti.

Is-CDC huma ċ-ċentri Amerikani responsabbli mill-kontroll u l-prevenzjoni tal-mard fil-pajjiż.

Fi stqarrija maħruġa miż-żewġ ministeri ntqal li minn nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju Malta se tkun qed tirrikonoxxi r-‘record card’ tas-CDC tal-Istati Uniti ta’ vaċċini approvati mill-Awtorità għall-Mediċini Ewropea (EMA) (kors sħiħ u 14-il ġurnata mill-aħħar doża) bħala ċertifikat validu għall-vaċċin.

Mill-1 ta’ Awwissu 2021, ir-‘record card’ tas-CDC tal-Istati Uniti trid tkun verifikata minn app speċifika biex tkun aċċettata bħala ċertifikat tal-vaċċin validu.

Iż-żewġ ministeri żiedu li dettalji fuq din l-app ta’ verifika se jingħataw aktar ’il quddiem.