Malta se tospita l-Eurovision Young Dancers fl-2017

Wara l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Young Dancers ix-xahar li għadda, tħabbar uffiċjalment li pajjiżna se jkun qiegħda jospita l-edizzjoni tal-2017.  F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ġustizzja, Gvern Lokali u Kultura Owen Bonnici qal li din hija aħbar tajba li se tkun qed tgħolli l-profil għal pajjiżna fil-qasam tal-arti.  Huwa qal li jinsab konvint li din l-attività se tħalli legat importanti fl-arti bħalma ġara fil-Junior Eurovision Song Contest.

Il-Eurovision Young Dancers ilu jsir mill-1985 kull sentejn fejn jagħti l-opportunità lill-aqwa żeffiena mhux professjonali fl-Ewropa biex jikkompetu bejniethom għat-titlu ta’ European Young Dancer.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-PBS Dr Tonio Portughese qal li fattur ewlieni li wassal għall-għażla ta’ Malta kienet il-binja tas-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi.  Semma wkoll li fis-sottomissjoni ta’ Malta biex tospita dan l-avveniment kien hemm ukoll il-faċilitajiet turistiċi u l-patrimonju kulturali.  Żvela kif diġà hemm interess dwar il-festival li se jittella’ f’Malta tant li l-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Olanda indikaw li se jkunu qed ixandru t-trażmissjoni diretta tal-Eurovision Young Dancers 2017.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard qal li f’Jannar li ġej se jiġu Malta uffiċjali mill-EBU biex jitrattaw l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex jittella’ dan l-avveniment f’Malta.  Qal li fix-xhur li ġejjin se tkun qed toħroġ sejħa pubblika għall-parteċipanti biex issir il-konkors nazzjonali fl-ewwel kwart tal-2017 li permezz tiegħu ssir l-għażla tar-rappreżentant/a Malti/ja għall-Eurovision Young Dancers 2017.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Dar il-Mediterran Dr Kenneth Spiteri qal li hemm sinerġija bejn il-PBS u l-MCC. Qal li minbarra li mistenni jkompli jospita attivitajiet oħra kulturali u artistiċi inkluż tal-PBS, Dar il-Mediterran se tkun qed tatrezza ruħha bi studjo apposta biex jintuża minn Żfin Malta.

Iż-żeffiena Maltija Anthea Zammit, li ħadet sehem fl-edizzjoni tal-Eurovision Young Dancers li għaddiet, qalet li l-esperjenza li ħadet mill-festival tar-Repubblika Ċeka tgħallmet ħafna minnha u nfetħulha wkoll opportunitajiet ġodda billi fost l-oħrajn ġiet mistiedna tiżfen f’Jannar li ġej fis-Slovenja.

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li permezz tal-Eurovision Young Dancers, il-Public Broadcasting Services se jkun qiegħed isaħħaħ l-arti taż-żfin f’Malta. Sostna li ma jixtieqx li l-Maltin jibqgħu Malta biss u jibdew jesportaw it-talent tagħhom lil hinn minn xtutna.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Malta ħadet isem fit-taħriġ ta’ professjonisti fil-liġi marittima internazzjonali permezz ta’ istitut li jopera mill-Universitaà taħt l-awspiċi tal-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, li hi waħda mill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fi tletin…

Lokali

Għandha l-għeruq fl-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u hi mnebbħa mill-valuri Kattoliċi fosthom li tkun ta’ servizz għall-oħrajn. Il-missjoni tagħha hi li ssalva l-ħajjiet tan-nies billi tkun minn tal-ewwel biex…

Lokali

Residenti li spiċċaw b’parti mid-dar tagħhom imwaqqa’ fi G’Mangia, qalu li TVM li saħansitra spiċċaw jorqdu barra minħabba l-biża’ li xi ħadd seta’ jispiċċaw jidħol u jisraqilhom oġġetti ta’ valur…

Aktar