Konsumatur
Malta ssostni li l-pajjiżi għandhom ikunu liberi li juru b’kemm xtraw il-mediċini

Malta qed tisħaq fuq il-bżonn li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu liberi li jippubblikaw il-prezzijiet li bihom ikunu akkwistaw il-mediċini mingħand il-kumpaniji tal-farmaċewtika.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Gvern, li fiha ingħad kif waqt laqgħat li kellu fi Brussell mar-rappreżentanti tal-industrija tal-farmaċewtika, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li hemm bżonn trasparenza f’dan ir-rigward, kif ukoll aktar djalogu bejn il-gvernijiet Ewropej u r-rappreżentanti tas-settur tal-farmaċewtika u l-għaqdiet tal-konsumaturi Ewropej dwar il-mediċini.

Il-kumpaniji tal-farmaċewtika jipprojbixxu lill-pajjiżi li jippubblikaw il-prezzijiet li jħallsu minħabba interessi kummerċjali, u dan qed iwassal għal diskrepanzi fil-prezzijiet li qed iħallsu diversi pajjiżi għall-istess mediċini.

Id-diskussjonijiet mal-industrija tal-farmaċewtika ngħataw spinta ’l quddiem matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

L-inizjattiva Maltija għandha l-għan li twassal għal mediċini orħos permezz ta’ aktar trasparenza fil-mod kif jiġu negozjati l-prezzijiet bejn il-kumpaniji farmaċewtiċi u l-gvernijiet Ewropej.