MEUSAC
Malta – storja ta’ suċċess fl-Unjoni Ewropea

Kien fl-1 ta’ Mejju 2004 meta Malta saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Kollox ma’ kollox, matul dawn il-15-il sena, l-Unjoni Ewropea ġabet f’pajjiżna l-ħajja u l-livell tal-għajxien ’il quddiem: bil-moviment ħieles, fil-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, fit-toroq, fir-restawr, fis-saħħa, fit-titjib tal-ħiliet, fit-taħriġ, fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, u f’ruxxmata oqsma oħrajn. Il-fondi tal-Unjoni Ewropea huma forsi l-iktar eżempju li jidher ta’ dan is-suċċess; suċċess li ma kienx jinkiseb kieku ma kienx għad-dedikazzjoni ta’ ħafna nies li sarrfu bil-għaqal il-fondi tal-Unjoni Ewropea fi proġetti b’risq il-pajjiż u l-komunitajiet.

Dan is-suċċess ma nkisibx fil-fondi biss. F’dawn l-aħħar 15-il sena, konna kapaċi nipparteċipaw, bil-limitazzjonijiet kollha tagħna, f’kull livell ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, bla ma nħallu s-sens ta’ inferjorità jżommna lura. Is-sehem tal-uffiċjali tal-gvern u tar-rappreżentanti tal-għaqdiet minn kull settur, fil-fora u l-istituzzjonijiet Ewropej, wera li Malta, minkejja ċ-ċokon taghha ġġib ir-riżultati. Biżżejjed wieħed isemmi s-suċċess tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2017.

Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom x’jitgħallmu mingħandna. Nistgħu nsemmu l-ekonomija u l-impjiegi. Aspett ieħor ta’ dan is-suċċess hu li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet huma aktar qrib in-nies. L-Unjoni Ewropea għandha titgħallem minna u tkun aktar taċ-ċittadini billi tisma’ u tindirizza aktar it-tamiet u t-tħassib tagħhom.

Il-MEUSAC hija wkoll aġenzija siewja tal-gvern, li bħalha ma ssibx fi Stati Membri oħra, li twaqqfet propju biex tkun punt ta’ riferiment għaċ-ċittadini fil-Gżejjer Maltin fejn tidħol l-Unjoni Ewropea. Permezz tal-MEUSAC tista’ ssib l-informazzjoni, issemma’ leħnek f’laqgħat ta’ konsultazzjoni u tibbenefika mill-fondi Ewropej.

L-anniversarji ma jiġux biss biex inħarsu lura. Irridu nħarsu ’l quddiem biex is-suċċess tal-aħħar 15-il sena jkun sostnut u jkompli jikber. Fl-istess ħin irridu nżommu f’moħħna lil dawk li b’xi mod jew ieħor intlaqtu ħażin mis-sħubija u nkomplu nindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha l-Unjoni Ewropea f’setturi partikolari. Irridu wkoll nagħtu widen lil dawk li ma jarawx is-sħubija bħala pożittiva jew li l-Unjoni għandha iktar diffetti milli preġji u li xi drabi tuża l-istess kejl li tuża ma’ pajjiżi ħafna ikbar minna.

Hemm bżonn ukoll li, kif għamel fl-aħħar snin, pajjiżna jkompli juri lill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea li l-Unjoni ma tibqax Unjoni jekk mhux kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Min-naħa tagħna, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ma nistgħux noqogħdu ngergru għal min jieħu d-deċiżjonijiet għalina, mingħajr ma aħna stess nagħtu sehemna billi ninfurmaw ruħna dwar dak li jkun għaddej, u nagħtu l-opinjonijiet tagħna b’diversi mezzi, fosthom il-mezzi tax-xandir, laqgħat u okkażjonijiet oħra. L-iktar okkażjoni qrib se tkun l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju, li fiha għandna nużaw għodda importanti tal-proċess demokratiku billi mmorru nivvutaw lil dawk li naħsbu li jirrappreżentawna bl-aħjar mod f’din l-istituzzjoni importanti tal-Unjoni Ewropea.

Kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li tkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u jikseb informazzjoni dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew permezz tal-websajt (meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook (facebook.com/meusacmalta), bit-telefown 2200 3300 jew bl-email [email protected]

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
TV u Radju

Il-ġurnalisti tal-PBS rebħu 9 unuri għal stejjer u produzzjonijiet li xxandru fuq TVM, Radju Malta u tvm.com.mt. Sitta mid-disgħa kategoriji li ntrebħu mill-PBS intrebħu lis-sitt ġurnalisti tal-kamra tal-aħbarijiet fosthom għal…

Lokali

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-gazzetti ppubblikati llum il-Ħadd 21 ta’ Lulju 2019 Fl-ewwel paġna ta’ The Sunday Times of Malta insibu l-istorja dwar il-fdalijiet ta’ katavru li l-pulizija sabet…

Saħħa

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra…

Tfal

Skont l-aġenzija appoġġ, madwar mitt tifel u tifla ngħataw għall-kura għand foster carers wara talba mill-ġenituri tagħhom stess minħabba li spiċċaw f’diffikultajiet fosthom mard serju jew spiċċaw bla saqaf fuq…

Aktar