Ekonomija u Finanzi
Malta t-tieni bl-akbar tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro

Ċifri tal-Eurostat ikkonfermaw li fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet bejn Ottubru u Diċembru, Malta wara l-Irlanda kellha l-akbar tkabbir fl-ekonomija. Iċ-ċifri juru li f’dawn it-tliet xhur l-ekonomija Maltija kibret b’1.7% meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2018. L-ekonomija Irlandiża kibret ftit aktar minn ta’ Malta b’1.8%. Il-medja tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-ewro kienet ta’ 0.1% wara li pajjiżi ewlenin fosthom il-Ġermanja, Franza u l-Italja kienu fost il-pajjiżi li kellhom tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet.

L-istess statistika tal-Eurostat, turi wkoll li Malta kellha l-akbar żieda fl-impjiegi meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. Il-Eurostat qal li l-impjiegi f’Malta żdiedu 1.6% meta l-medja taż-żieda fl-impjiegi fiż-żona ewro kienet biss ta’ 0.3%. L-Estonja u l-Irlanda wkoll kellhom rata tajba ta’ żieda fl-impjieg li kienet ta’ 1.3%.