Ambjent
Malta tagħmel progress fil-kampanji għar-riċklaġġ tal-iskart – rapport tal-Kummissjoni Ewropea

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali fl-Unjoni Ewropea 2019, jgħid li f’Malta sar progress fil-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċi u wkoll f’kampanji għall-ġbir u r-riċklaġġ tal-iskart, iżda jgħid ukoll li Malta fadlilha x’tagħmel fl-immaniġġjar tal-iskart u jsostni li r-rata ta’ riċiklaġġ għadha baxxa wisq. F’intervista ma’ TVM, id-Direttur tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino, qalet li l-ERA diġà għaddejja b’inizjattivi biex tindirizza wħud mill-oqsma li ġew identifikati fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea.

Fir-rapport tal-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali, il-Kummissjoni Ewropea tindirizza diversi oqsma ambjentali f’kull pajjiż, fosthom l-immaniġġjar tal-iskart, in-natura u l-biodiversità, il-kwalità tal-arja, l-investimenti ambjentali u t-tisħiħ tal-governanza ambjentali.

Fir-rapport dwar Malta, il-Kummissjoni tgħid li Malta hi minn ta’ quddiem nett fil-provvista ta’ servizzi tal-Gvern liċ-ċittadini u tikklassifikaha fl-ewwel post fl-użu tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u tgħid li kompliet tagħmel titjib fis-servizzi pubbliċi diġitali. Ir-rapport jinnota li sar progress fil-protezzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi ambjentali u jgħid li Malta, wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib tal-għasafar tal-għana għamlet progress billi issa qed timxi mal-prattiċi tal-kaċċa u l-insib skont id-Direttiva tal-Għasafar.

Id-Direttur tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino, qalet li fil-qasam marittimu r-rapport jidentifika miri li sakemm ħareġ ir-rapport intlaħqu, fosthom żoni li ġew identifikati bħala protetti.

Michelle Piccinino qal “is-setturi l-iktar li kienu pożittivi nistgħu ngħidu hija fejn tidħol il-protezzjoni ambjentali naturali li allura matul dan iż-żmien, matul ir-review ta’ Malta waqt li kien qed isir dan ir-rapport kien hemm it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ dawk is-siti li aħna nafuhom bħala Natura 2000, li huma l-iktar siti li huma milquta bi protezzjoni ambjentali l-aktar għolja. Fihom f’Malta lħaqna l-miżuri kollha, ilħaqna t-tappa li hemm imposta fuq il-pajjiż fejn jidħlu areas ta’ coverage kemm mill-aspett ta’ speċi u anke mill-aspett ta’ abitat.”

Il-Perit Piccinino qalet ir-rapport bħal dan jgħin biex il-pajjiż jirregola dawk is-setturi fejn jeħtieġ jaħdem aktar biex jilħaq miri Ewropej. Fil-fatt ir-rapport isemmi li hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti fl-immaniġġjar tal-iskart. Ir-rapport isostni li r-rata ta’ riċiklaġġ għadha baxxa u ferm inqas mill-medja Ewropea. Tinnota li r-rata tar-rimi fil-miżbla hija tliet darbiet aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tfaħħar il-kampanja Don’t Waste Waste u l-inizjattiva tal-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti. Ir-rapport isostni iżda li hemm bżonn urġenti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-karozzi.

Dwar il-qasam tal-iskart, id-Direttur tal-ERA qalet li r-rapport jiġbed l-attenzjoni tal-pajjiż biex jinbidlu ċertu prattiċi.

Il-Perit Piccinino qalet “il-Ministeru qed jaħdem mal-awtorità fuq proposti għal impjant ġdid tas-sorting tar-riċiklaġġ u kemm għal waste to energy li allura nkunu qegħdin nirkupraw element minn dak l-iskart li qed narmu għax filfatt l-iktar tbeżbiża li qlajna li rridu napprezzaw li l-iskart mhuwiex sempliċiment skart li jmur fil-miżbla li sfortunatament għandna ħafna, aħna nsejħulha landfill, però hemm bżonn li naraw il-mezzi kif nerġgħu ndaħħlu ċertu prodotti li għalina huwa skart fis-sistema, u allura mmorru iktar lejn circular economy.”

L-ERA qalet li taħdem kontinwament biex in-nies ikollhom iżjed għarfien ambjentali, tant li l-Kummissjoni Ewropea ikkwotat ċifri tal-Eurobarometer tal-2017 li wrew li 93 fil-mija tan-nies jemmnu li b’mod individwali jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Pulizija

Għall-ewwel darba sal-aħħar ta’ din is-sena, il-Korp tal-pulizija ser ikollu flotta ta’ vetturi ġodda fid-distretti. Il-Korp, illum inawgura ħamsin vettura ġdida u sitt segways li se jintużaw l-aktar fiż-żoni pedonali…

Aktar