Lokali
Malta tagħti b’€25,000 fi provvisti lil gżira milquta minn żbroff ta’ vulkan

Il-Gvern Malti se jagħti b’kemm jiswew €25,000 fi provvisti lill-gżira St. Vincent and the Grenadines biex jgħinha wara l-iżbroff tal-vulkan li beda fid-9 ta’ April li għadda u għadu fis-seħħ.

Din il-gżira tinsab fil-Karibew bl-għajnuna tal-Gvern qed tingħata lill-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO li hija l-uffiċċju reġjonali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel.

Mal-PAHO hemm jaħdem it-tabib Malti Godfrey Xuereb li kien f’kuntatt mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej dwar din l-għajnuna.

L-iżbroff wassal biex kellhom jiġu evakwati aktar minn 16,000 persuna u laqat il-provvisti tal-ilma u l-ikel f’din il-gżira li rat ukoll żieda fil-każijiet tal-Covid-19.