Lokali
Malta taħdem biex tkun fuq quddiem fil-blockchain u l-muniti virtwali

Malta qed tħares li tkun pijunier fis-settur tad-Digital Ledger Technology, terminu li jirreferi sistema teknoloġika li tinkludi fost oħrajn il-blockchain kif ukoll fil-muniti virtwali. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri nieda konsultazzjoni pubblika fuq tliet abbozzi ta’ liġijiet li fosthom oħrajn jipprovdu għal awtorità regolatorja u regolamenti għal das-settur tal-ekonomija diġitali li qed jiżviluppa. Huwa qal li l-Gvern jemmen li dan is-settur jista’ jikber daqs l-online gaming f’temp ta’ bejn ħames u għaxar snin

Tliet liġijiet ġodda li ser jitressqu fil-Parlament jaħsbu għat-twaqqif fost oħrajn ta’ awtorità ġdida dwar l-innovazzjoni diġitali li se tkun qed tirregola u tiċċertifika kumpaniji ġodda f’din in-niċċa ekonomika ġdida.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni Diġitali Silvio Schembri spjega li l-liġijiet jipprovdu wkoll għal regolamenti għal din l-industirja anke biex il-konsumaturi jkunu protetti. Qal li fl-aħħar xhur, il-Gvern kellu diskussjonijiet ma’ diversi entitajiet, fosthom ma’ awtoritajiet lokali, mal-Pulizija, l-FIAU u ma’ kumpaniji internazzjonali mill-Istati Uniti, l-Ingilterra u minn pajjiżi Għarab. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li kollox se jkun mibni madwar tliet kunċetti prinċipali – l-integrità, l-istabbiltà tas-suq u l-protezzjoni tal-investiment.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal ”qed naraw li dawn is-setturi u industriji li jridu joperaw li hemm numru sostanzjali li flimkien mal-PM diġà ltqajna ma’ numru kbir li qalulna li kif joħroġ dan l-act in action jibdew joperaw minn Malta, eventwalment noħolqu din l-industrija.”

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-awtorità regolatorja se tkun attraenti għal kumpaniji minħabba li din se toffri ċertifikazzjoni u ttihom aktar integrità fil-ħidma tagħhom. Huwa qal li din l-ekonomija l-ġdida għandha il-potenzjal li fi żmien bejn ħames u għaxar snin tkun kbira daqs is-settur tal-gaming f’Malta.

Mistoqsi dwar ix-xettiċiżmu għal muniti virtwali li għandhom għadd ta’ istituzzjoniiet fosthom il-banek, is-Segretarju Parlamentari qal li dan ir-reġim legali se jwieġeb għar-riżervi li għandhom.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal ”ix-xettiċiżmu qiegħed għax bħalissa m’hemmx reġistrazzjoni. Hemm ħafna mistoqsijiet jekk tmur bi cryptocurrency, il-banek ma jafux minn fejn ġejjin dawk il-flus għax m’hemmx proċess ta’ anti-money laundering, eċċ. Once li jkollok regolamentazzjoni fis-settur, ċertifikat fuq il-platform jew reġistrazzjoni ħafna mill-mistoqsijiet se jkunu mwieġba.”

Għat-tliet ġimgħat li ġejjin, il-proposti se ikunu miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.

Aħbarijiet Oħra
Avjazzjoni

L-Air Malta ħatret bord ta’ inkjesta biex jinvestiga kumment allegatament miktub minn pilota tal-Air Malta fuq Facebook dwar ħsara teknika fuq ajruplan. TVM hu infurmat li l-ħaddiem ġie sospiż sakemm isiru…

Qorti

Michael Claude Nussbaum ammetta li kien qed iġorr arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja. Huwa ġie arrestat fl-Ajruport wara li nqabad b’pistola fil-bagalja tiegħu qabel ma qabad it-titjira lejn Franza….

Qorti

Amerikan u Messikan li ġew Malta biex jattendu għal tieġ ta’ seħibhom tilfu l-festin wara li ġew arrestati f’San Ġiljan. Eric Arata u Fernandez ġew akkużati li kisru l-paċi pubblika…

Aktar