Politika
Malta tappoġġja missjoni militari biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi fil-Libja

L-Unjoni Ewropea qablet li torganizza missjoni militari mill-baħar u mill-ajru fil-lvant tal-Mediterran fi sforz biex twaqqaf it-traffikar tal-armi bejn ġellieda u milizji rivali fil-Libja. Dan ser isir biex ma jkomplix jinkiser il-ftehim tal-waqfien mill-ġlied u bit-tama li l-partijiet rivali fil-konflitt libjan jaslu fi ftehim dejjiemi.

Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qablu li jibdew missjoni militari bil-għan li jinfurzaw l-embargo dwar it-trasferiment tal-armi lejn il-Libja impost min-Nazzjonijiet Magħquda.

F’laqgħa tal-kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, il-pajjiżi membri qablu li l-missjoni bil-baħar u bl-ajru għandha ssir fl-inħawi tal-lvant tal-Mediterran u mhux fir-rotta tal-Mediterran ċentrali, fejn joperaw it-traffikanti tal-immigranti. Dan ghaliex il-preżenza ta’ vapuri navali Ewropej tista’ tibgħat messaġġ biex iktar immigranti jitħarrbu mil-Libja bit-tir li jinġabru mill-vapuri navali tal-missjoni Ewropea.

Malta, li kienet rappreżenzata mill-Ministru Evarist Bartolo, tat l-appoġġ tagħha għal din il-missjoni militari biex isir imblokk kontra t-traffikar tal-armi.

“Għall-anqas wasalna biex naqblu fuq hekk , wieħed għad irid jara d-dettalji imma aħna ser inkomplu nagħfsu biex bħall-pajjiż ġar tal-Libja jdaħħluna anke fid-diskussjonijiet li għaddejjin, għaliex naħsbu li għandna x’nagħtu, diġà fil-passat urejna li għenna fejn kien hemm bżonn, ħarriġna anke l-għassiesa tal-kosta, il-cost guards, u lesti li nerġgħu nagħmlu l-istess.”

Din il-missjoni, li qajmet diżgwid bejn il-pajjiżi Ewropej, minħabba li ntqal li jista’ jkun li din ser tħeġġeġ aktar immigranti jaqsmu l-baħar lejn il-kontinenti Ewropej, bil-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Luigi Di Maio qal li jekk dan iseħħ, il-missjoni titwaqqaf.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Is-soltu, tard filgħaxija nhar il-Ġimgħa l-Kbira, diversi purċissjonijiet ikunu bdew deħlin lura fil-Knejjes wara li jterrqu fil-qalba tal-bliet u l-irħula. Din is-sena, iżda it-toroq battala. Minflok, saret biss Via Crucis …

COVID-19

Fl-aħħar snin, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, kienet issir il-mixja għall-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din kienet waħda mill-ħafna attivitajiet li tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qed iżid mal-piż li…

Kronaka

Illum, fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Pulizija ħarġet total ta’ 59 multa lil persuni li kienu qed jiksru l-liġi billi nġabru barra f’qaqoċċa. Skont l-avviż legali LN 112/113 huwa illegali li f’post pubbliku jkun…

Lokali

Il-pandemija ħarbtet ir-rutina tax-xogħol ta’ bosta. Ħafna ħaddiema spiċċaw jaħdmu mid-dar bit-teleworking. Mhux kulħadd iżda jista’ jagħmel dan fosthom il-ħaddiema fl-isptar fejn żiedet il-pressjoni fuq l-infermiera u t-tobba fost oħrajn….

Aktar