Politika
Malta tfakkar is-57 sena mill-kisba tal-Indipendenza

Malta llum qed tfakkar is-57 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

L-anniversarju jfakkar it-twelid ta’ Malta bħala stat sovran wara sekli ta’ ħakmiet barranin.

L-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż sellmu lil Malta Indipendenti bit-tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument fil-Floriana li jfakkar din il-ġrajja.

Iktar qabel l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Pontifikal Statali fil-festa nazzjonali ta’ Jum l-Indipendenza fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

It-temi ewlenin fl-omelija daru fuq ix-xewqat li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien filwaqt li wissa li r-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen.

F’Misraħ San Gwann fil-Belt il-Forzi Armati ta’ Malta taw is-salut lill-President George Vella u wara spezzjona l-Gwardja tal-Unur.

Fil-preżenza tal-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, membri tal-gudikatura u l-korp diplomatiku u membri parlamentari miz-zewġ naħat tal-Kamra fil-pontifikal statali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles J. Scicluna sejjes l-omelija tiegħu fuq r-regħba u l-jasar tal-flus li qed iħallu konsegwenzi fuq il-pajjiż.

Huwa sostna li hemm uħud li bl-atteġġjament tagħhom iridu jsiru sinjuri b’mod faċli.

L-Arċisqof Scicluna, fid-dawl ta’ dak li tgħix is-soċjetà Maltija f’dawn iż-żminijiet, qal li qed jirrenja individwaliżmu sfrenat li qed jerbaħ fuq kollox, fejn wiehed jirraġuna li la huwa moqdi hu allura moqdi kulħadd.

Huwa saqsa jekk il-flus hux qed jikkundannaw lill-poplu Malti jew inkella hux qed jużahom għall-ġid tiegħu.

“Forsi l-kilba għall-flus, għall-flus faċli, qiegħda teqred ukoll is-sinsla morali ta’ pajjiżna? U xi kwalità ta’ indipendenza nistgħu niċċelebraw jekk aħna skjavi tas-sens tal-kilba tal-poter u tar-regħba għall-flus?”.

L-Arċisqof Scicluna qal li meta s-soċjetà twarrab dak li huwa sewwa, timrad bil-tilwim u kliemha ma jġibx ħlief għira u gideb, tkasbir u suspetti ħżiena.

Huwa sostna li l-kelma tas-sewwa tnissel sentimenti ta’ tjieba, ta fidi, ta’ mħabba, sabar u ħlewwa.

L-Arċisqof Scicluna qal li wieħed mis-sintomi tar-regħba huwa t-tkerrih tal-pajsaġġ Malti u saqsa jekk il-poplu għadux prudenti ħalli jinħolqu binjiet li huma estetikament pjaċevoli u jagħmlu unur lill-armonijia tal-pajjiż.

Huwa qal li hija regħba meta l-bini mhuwiex ħtieġa għall-ħajja iżda jinbena biss biex wieħed jagħmel il-flus.

Dan l-atteġġjament, sostna Mons. Scicluna, huwa xibka ta’ regħba li qed iwassal biex il-poplu jiċċaħħad mill-kwalità tal-ħajja u anke se jċaħħad lill-uliedu u lill-ġenerazzjonijiet li telgħin.

Huwa sejjaħ biex il-poplu jieqaf u jirrifletti biex wara li kiseb l-Indipendenza mill-kolonjaliżmu ma jaqax fil-jasar tal-kilba għall-poter jew inkella tal-flus.

Wara l-pontifikal statali l-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sellmu lil Malta Indipendenti bit-tqegħid ta’ bukketti ta’ fjuri fuq il-monument fil-Floriana li jfakkar il-ġrajja tal-21 ta’ Settembru 1964 meta Malta saret stat sovran.