Immigrazzjoni
Malta tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tniedi missjoni umanitarja fil-Libja

Malta qed tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex minnufih tniedi missjoni umanitarja fil-Libja b’pakkett ta’ mill-inqas mitt miljun ewro f’ikel, għajnuna, mediċini u tagħmir mediku. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo wissa li jekk l-Unjoni Ewropea mhux se tieħu azzjoni mmedjata llum, jaf ikollna katastrofi umana għada.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo f’isem il-Gvern Malti ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea taġixxi fuq il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Libja hekk kif il-pandemja tal-Coronavirus kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni u numru dejjem jiżdied ta’ immigranti qed jaħarbu mill-kampijiet iffullati u qed jissugraw jaqsmu l-baħar Mediterran bit-tama li jaslu l-Ewropa.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru Bartolo ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tevita diżastru umanitarju maġġuri u b’mod immedjat tgħin lil-Libja u l-immigranti hemmhekk billi tniedi pakkett finanzjarju ta’ mhux inqas minn mitt miljun ewro għall-provvisti tal-ikel, mediċini, tagħmir mediku u għajnuna oħra.

Il-Ministru Bartolo spjega li l-affarijiet qed isiru ħafna iżjed diffiċli minħabba li l-assistenza umanitarja fuq il-post qedgħha tonqos minħabba l-pandemija waqt li l-Italja u Malta għalqu l-portijiet minħabba li r-riżorsi kollha qed jiġu allokati għat-trażżin tal-pandemija.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fakkar kif fl-aħħar snin Malta salvat eluf ta’ nies u għamlet ferm aktar mill-obligi legali fil-kuntest ta’ salvataġġ. Qal li f’sitwazzjoni fejn id-domanda għas-salvataġġ ser tiżdied, l-unika għażla realistika u sostenibbli biex tiġi evitata kriżi u jiġu salvati l-ħajjiet hija li l-Ewropa tniedi missjoni umanitarja b’mod immedjat fil-Libja fejn Malta lesta tara li l-għajnuna tasal fejn hemm bżonn.

Il-Minisrtu Bartolo qal li din l-għajnuna Ewropea fil-Libja tnaqqas id-domanda għan-negozju inuman tat-traffikanti tan-nies, li qed japrofittaw mill-miżerja tal-aktar persuni iddisprati. Stqarr li l-għaqdiet mhux governattivi li qed iħeġġu lill-immigranti biex jitilqu illegalment għall-Ewropa, jagħmilhom parteċepi f’din it-traġedja umana.

Il-Ministru qal li l-Ewropa issa qed tiffaċċja kriżi eżistenzjali u issa m’huwiex iż-żmien tal-paroli, iżda huwa żmien tal-azzjoni biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies.

Żied jgħid li Malta lesta li tkun attiva, iżda għamilha ċara li din l-isfida ta’ dimensjoni Ewropea titlob rispons ta’ daqs Ewropew. Qal li jekk Malta ser titħalla waħidha tiffaċċja din il-kriżi sproporzjonata – nies, tfal, nisa tqal u vittmi ta’ stupru ser imutu.

Il-Ministru Bartolo qal li jeħtieġ intaffu mill-pressjoni ta’ din il-kriżi u ma nħalluwiex tisplodi. Stqarr li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni immedjata llum qabel issir katastrofi umana għada.