Lokali
Malta tibda tirrikonoxxi aktar ċertifikati diġitali

L-Awtoritajiet tas-Saħħa u tat-Turiżmu ħabbru li mil-lum, f’Malta se jkunu qed jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati diġitali tas-Serbja, tal-Ġibiltà, ta’ Jersey u ta’ Guernsey.

Dawn iċ-ċertifikati se jkunu rikonoxxuti b’vaċċini approvati mill-Awtorità Ewropea għall-Mediċini, ikunu kors sħiħ u jkunu għaddew 14-il ġurnata mill-ewwel doża.

Malta fil-preżent qed tirrikonoxxi wkoll iċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea u tal-Iżvizzera, tat-Turkija, tal-Emirati Għarab Magħquda, tar-Renju Unit kif ukoll ir-record card tal-Istati Uniti.

Mill-1 ta’ Awwissu li ġej, ir-record card tas-CDC tal-Istati Uniti trid tkun verifikata minn app speċifika biex tkun aċċettata bħala ċertifikat tal-vaċċin validu.