Fondi UE
L-UE tirdoppja l-fondi Ewropej għall-Erasmus u tittriplahom għat-teknoloġija

Malta mistennija tibbenefika minn aktar fondi Ewropej fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija. L-użu ta’ dawn il-fondi ġie spjegat lit-tfal f’attività fiċ-ċentru Esplora fil-Kalkara.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, qal li l-fatt li l-Unjoni Ewropea se tirdoppja l-fondi għall-programm Erasmus u se titrippla l-fondi għal Digital Europe, se jkollhom effett sinifikanti fuq il-budget allokat lil Malta biex twettaq proġetti f’oqsma bħas-saħħa, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

F’attività fiċ-Ċentru Esplora għal studenti ta’ skejjel primarji u sekondarji, Dr Farrugia qal li l-ħaddiema f’Malta qed jitħarrġu biex kemm jista’ jkun jissodisfaw id-domanda li qed tinħoloq minn ekonomija bbażata fuq ix-xjenzi u t-teknoloġija.

“Malta issa se tkompli tara li tassorbi iktar fondi Ewropej, għaliex bit-tkabbir ekonomiku li kellna fl-aħħar snin aħna tlabna lill-kummissjoni biex tkompli ittina fondi ta’ koeżjoni biex inkomplu insostnu u nikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku li ħadna,” qal Dr Farrugia.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, ħabbar li Esplora ntgħażel mill-Kummissjoni Ewropea bħala wieħed mill-proġetti li qed tippromwovi bħala eżempju f’għeluq it-tletin anniversarju tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Qal li b’fondi Ewropej u oħrajn mill-gvern Malti, bini li kien jintuża bħala sptar navali, ngħata l-ħajja u nbidel f’Ċentru Interattiv għax-Xjenza li jilqa’ ‘l fuq minn mitt elf viżitatur kull sena.

“Il-proġett il-ġdid tagħna se jkun fil-fatt biswit l-Esplora, qed insejħulu Esplora Natura, ħa jkun ukoll proġett state of the art iffokat iktar fuq l-istorja naturali, qed naraw kif nagħmlu wkoll għal dan il-proġett immirat biex dan ukoll ikun proġett state of the art,” qal Dr Pullicino Orlando.

Dr Pullicino Orlando qal li Esplora Natura se jkun inawgurat sa erba’ snin oħra u se jiġbor fih l-esebiti li hemm bħalissa fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Studju li sar mil-Kumpanija EY b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ wera li l-Industrija tal-Yachting tiġġenera aktar minn €100 miljun fis-sena minħabba dħul ieħor dirett għall-Gvern. Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja li rreżista r-riformi l-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Waqt li kien qed jindirizza attività politika fiż-Żurrieq illejla, il-Kap Nazzjonalista qal…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena, Steve Galea li nstab ħati li għex fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu, skansa l-ħabs wara li biddel ħajtu. Galea, kien ukoll akkużat li flimkien ma’ tnejn oħra,…

Aktar