Lokali
Malta tiffirma ftehim ma’ Franza għall-opportunitajiet fil-qasam spazjali

Minħabba li s-settur tal-ispazju f’Malta għadu fl-infanzja tiegħu, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ffirma ftehim ta’ qafas mas-Centre National D’Etudes Spatiales (CNES), l-Aġenzija tal-Ispazju ta’ Franza biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet għal entitajiet Maltin u professjonisti fi ħdan is-settur tal-ispazju.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, qal li dawn il-kollaborazzjonijiet huma instrumentali sabiex, kemm l-esperti kif ukoll il-pubbliku ġenerali  jkomplu jagħrfu il-potenzjal li dan is-settur jaf joffri lil pajjiżna.

Minbarra l-kollaborazzjoni fuq taħriġ relatat mas-settur spazjali, il-ftehim jippermetti kooperazzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ servizzi bbazzati fuq data pprovduta minn satelliti li kontinwament josservaw id-dinja. Dawn is-servizzi jbiddlu stampi satellitari u data oħra f’informazzjoni ta’ valur miżjud u ta’ relevanza għal diversi applikazzjonijiet, fosthom: il-protezzjoni tal-ambjent, l-agrikoltura, is-sajd, it-trasport, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili. Barra minn hekk, kooperazzjoni fuq l-iżvilupp, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ teknoloġiji spazjali fuq skala żgħira hija ukoll kkunsidrata f’dan il-ftehim.

Dan il-ftehim jiftaħ  ukoll il-bibien għal skambju ta’ esperti fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija, flimkien mal-organizzazjoni konġunta ta’  taħriġ li jilħaq il-pubbliku ġenerali.