Lokali
Malta tikseb deroga biex tgħin iktar lill-bdiewa

Malta kisbet deroga li se tagħti għajnuna diretta lill-bdiewa. Dan kien ikkonfermat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura li saret f’Lussemburgu u li għaliha attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Fi stqarrija ngħad li Malta assigurat li d-definizzjoni taż-żoni rurali tkun determinata mill-istati membri fil-Pjan Strateġiku. B’hekk ikun żgurat li ż-żoni rurali ta’ Malta jkomplu jibbenefikaw mill-fondi għall-iżvilupp rurali u jindirizzaw ir-realtajiet territorjali tagħhom.

Element ġdid f’din ir-riforma kien l-introduzzjoni tal-eko-skemi. Intqal li Malta għamlet kisba importanti bil-garanzija li jkun hemm il-flessibbiltajiet neċessarji, inkluż mekkaniżmu tar-rebate, li jirrikonoxxi l-isforzi li l-bdiewa diġà qed jagħmlu fit-tieni Pilastru tal-PAK.

Ġiet ikkonfermata wkoll id-deroga li teżenta lill-bdiewa żgħar minn ċertu obbligi ambjentali u b’hekk jonqos il-piż amministrattiv.

Barra minn hekk, il-Kunsill adotta b’mod formali fir-Regolament Ewropew iż-żieda ta’ kważi 1,500 tunnellata fl-allokazzjoni tal-ammont massimu ta’ tonn li jista’ jidħol fl-irziezet Maltin fl-istaġun ta’ din is-sena.